Internazzjonali

Il-gwardjani tal-kosta jsalvaw 93 immigrant ‘il barra mil-Libja

Il-gwardjani tal-kosta Libjani qalu li salvaw talanqas 93 immigrant li nstabu fuq dgħajsa li kienet ‘f’kundizzjoni ħażina ħafna’ hi u tbaħħar ‘il hinn mill-belt ta’ Khoms, li tinsab mal-kosta lejn il-grigal tal-Libja.

Kelliema għall-gwardjani qalu li kienu rċevew messaġġ għall-għajnuna u li huma intervjenew mill-aktar fis permezz tal-patrol-boat bl-isem ‘Zuara’.

L-immigranti – li kollha kienu rġiel u li tlieta minnhom instabu ‘f’sitwazzjoni bejn ħajja u mewt’ – ittieħdu lejn iċ-ċentru għall-immigranti fl-inħawi ta’ Khoms wara li ngħataw ‘il-kura kollha meħtieġa min lat mediku u umanitarju’.

Ingħad ukoll li ħafna mill-immigranti kienu trattati ‘għall-effetti tal-kesħa’.

Ir-rapport kompla li 56 fost dawn l-immigranti kienu ġejjin minn Bangladesh, bl-oħrajn ikunu immigranti mill-Eġittu, Chad, is-Sri Lanka u n-Niġer.