Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Kim Jong-un jistieden lill-Papa għal żjara storika

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, stieden lill-Papa Franġisku biex iżur pajjiżu. Dan żvelah l-Uffiċċju Presidenzjali tal-Korea t’Isfel, meta l-invit lill-Papa biex iżur Pyongyang għandu jitwassal mill-President ta’ dak il-pajjiż, Moon Jae-in, li l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed iżur il-Vatikan bħala parti minn żjara fl-Ewropa.

L-ebda Papa ma qatt żar il-Korea ta’ Fuq, għalkemm darba kienet ħarġet stedina lill-mibki Ġwanni Pawlu II.

Kien proprju fl-2000 li l-eks Mexxej Korean komunista, Kim Jong-il (missier Kim Jong-un) stieden lil dak l-eks-Papa biex iżur il-Korea ta’ Fuq u wara li Ġwanni Pawlu kien ikkwotat li ‘kellu jqis żjara ta’ dan it-tip ( fil-Korea ta’ Fuq) bħala miraklu’.

Iż-żjara ma seħħet qatt u dak iż-żmien il-Vatikan kien insista li żjara tal-Papa fil-Korea ta’ Fuq setgħet issir biss f’sitwazzjoni fejn il-qassisin Kattoliċi jkunu aċċettati fil-pajjiż komunista.

Il-Vatikan u l-Korea ta’ Fuq ma għandhom l-ebda relazzjonijiet diplomatiċi formali, bl-invit lill-Papa qed jitqies bħala l-aħħar ġest konċiljatorju mir-reġim fi Pyongyang.

Issa, ir-rapporti qalu li l-messaġġ li Moon Jae-in għandu jgħaddi lill-Papa se jenfasizza li ‘Kim Jong-un ikun ħerqan li jilqa’ lill-Kap tal-Kattoliċi f’każ li hu, xi darba, iżur Pyongyang’.

Il-Kostituzzjoni tal-Korea ta’ Fuq twiegħed ‘id-dritt li wieħed jesprimi l-fidi tiegħu’ u fil-pajjiż jeżistu l-knejjes li huma kontrollati mill-Istat. Madankollu, xi attivisti favur id-drittijiet umani jgħidu li dawn il-knejjes ‘huma biss għall-ispettaklu’ u li ‘fir-realtà ma hemm l-ebda reliġjon ħieles ( fil-Korea ta’ Fuq).’

Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-2014, sab li l-Kristjani fil-Korea ta’ Fuq ‘kienu qed jiffaċċjaw il-persekuzzjoni u pieni sostanzjali’ f’każ li huma jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom ‘il hinn mill-knejjes li huma kontrollati mill-Istat.

Dan meta l-Korea ta’ Fuq ‘lanqas hi wisq favorevoli’ għall-preżenza ta’ missjonarji barranin f’artha.