Il-Pulizija fil-Messiku qed jinvestigaw koppja – raġel u mara – b’konnessjoni mal-omiċidju ta’ mill-anqas 20 mara. Dan wara li r-raġel u l-mara kienu arrestati meta nqabdu qegħdin jittrasportaw il-partijiet tal-iġsma umani permezz ta’ pram tat-trabi.
Ir-rapporti qalu li r-raġel, ftit wara l-arrest, ammetta dwar il-qtil ‘ta’ 20 mara’ f’subborg lejn il-grigal mill-Belt tal-Messiku. Intant, l-investigaturi sabu l-partijiet tal-iġsma fl-appartament ta’ din il-koppja kif ukoll fi proprjetà oħra. Il-partijiet umani inkwistjoni kienu qed jinżammu fi bramel mimlijin bis-siment u li kienu stivati fi friġġ.
L-indikazzjonijiet huma li din il-koppja jistgħu huma serial killers, bil-prosekuturi qed jindagaw jekk il-mara u r-raġel ‘humiex sempliċiment qed jiftaħru inkella jekk humiex tassew żewġ qattiela psikopatiċi’.
Il-prosekuturi, issa, żvelaw li l-koppja kienet qed tbigħ il-partijiet tal-iġsma, għalkemm mhux magħruf lil min.
L-omiċidji tan-nisa huma komuni fil-Messiku u f’ħafna minn dawn il-każi ma ssir qatt il-ġustizzja mal-qattiela.
Iżda d-dettalji makabri ta’ dan il-każ partikulari qajjem għadab fost is-soċjetà, flimkien ma’ protesti fit-toroq ta’ Ecatepec; is-subborg fqir fejn seħħew l-omiċidji inkwistjoni.
Il-ġirien tal-koppja qalu li huma ‘dejjem’ kienu jaraw lir-raġel u s-sieħba tiegħu jimbuttaw il-pram li l-pulizija sabu fih il-partijiet tal-iġsma.
Il-pulizija kienet waqqfet u investigat il-koppja wara l-għajbien, f’Settembru, ta’ mara lokali li kellha 28 sena u t-tarbija tagħha ta’ xahrejn.
Ir-raġel akkużat – li qed jissemma biss bħala ‘Juan Carlos’ – ammetta, waqt smigħ, dwar l-omiċidju ta’ dik il-mara waqt li anki identifika lil żewġ vittmi oħra (it-tnejn nisa) ‘minn tiegħu’. Il-prosekuturi sostnew li s-suspettat ammetta wkoll li kien abbuża sesswalment lil uħud mill-vittmi qabel qatilhom u li hu, wara, kien biegħ l-affarijiet personali tagħhom, ‘flimkien ma’ partijiet ta’ġisimhom’.
Sar magħruf ukoll li l-vittmi kienu jafu lil ‘Juan Carlos’ u s-sieħba tiegħu għaliex kienu jixtru l-ikel u l-ħwejjeġ mingħandhom. L-investigazzjoni żvelat li l-mara taħt akkuża, bl-isem ta’ ‘Patricia’, kienet qarrqet bil-vittmi meta stednithom ‘biex jidħlu magħha fl-appartament biex jaraw aktar oġġetti li kienu għall-bejgħ’.
//= $special ?>

