Internazzjonali

L-Istati Uniti: Nikki Haley irriżenjat minn Ambaxxatur għan-NU

Il-President Amerikan, Donald Trump, aċċetta r-riżenja tal-Ambaxxatur għan-Nazzjonijiet Uniti, Nikki Haley u, waqt diskors lill-ġurnalisti fl-Oval Office tal-White House, qal li hi għandha tispiċċa mir-rwol fl-aħħar tas-sena ‘wara li wettqet xogħol inkredibbli’.

Ir-riżenja ta’ Haley, li qabel kienet il-Gvernatur ta’ South Carolina, issorprendiet lill-uffiċjali fl-amministrazzjoni ta’ Trump — madankollu hi kienet preżenti għad-diskors ta’ Trump fl-Oval Office. Hi sostniet li minkejja l-ispekulazzjoni, mgħandhiex tikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti fl-2020 meta se tkun qed tgħin fil-kampanja ta’Trump.

Nikki Haley kienet ikkonfermata bħala r-Rappreżentant tal-Istati Uniti għan-NU f’Jannar tal-2017.

L-aħbar tar-riżenja ngħatat wara li hi kienet serviet għal xahar bħala President temporanju tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.