Lokali

L-SDM se tgħin fil-ħidma tal-ALS Malta

Għal sena oħra, l-għaqda tal-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM) qed tniedi kampanja biex tgħin mill-aspett soċjali.

Il-kampanja HOPE, imnedija barra l-Junior College fl-Imsida, għandha l-intenzjoni li tgħin lil min ikun għaddej fl-aktar żminijiet diffiċli. Dan għax l-SDM temmen li m’għandhiex teżisti biss għall-elezzjonijiet.

Permezz tal-kampanja HOPE, l-SDM se tkun qed tiġbor flus għall-Fodazzjoni ALS Malta, li bħalissa qed taħdem biex tibni t-tieni dar b’risq dawk li jbatu mill-kundizzjoni tal-ALS.

Fil-preżenza ta’ Bjorn Formosa, il-Fundatur tal-Fondazzjoni ALS Malta, ir-rappreżentanti tal-SDM esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li l-għaqda reġgħet qed tgħin lil min hu fil-bżonn.

Din qed issegwi għadd ta’ kampanji li nżammu fl-aħħar snin, fosthom Rise, Draw the Line, Leave Your Mark u Project 7000 … b’din tal-aħħar twassal biex inġabru €35,000 b’risq għadd ta’ organizzazzjonijiet.

Filwaqt li tennew l-intenzjoni tal-kampanja HOPE, li bil-ftit ta’ kulħadd nistgħu nibnu tama ġdida, ir-rappreżentanti tal-SDM wegħdu l-appoġġ tagħhom ukoll għall-maratona li se tinżamm fid-19 ta’ Ottubru, fejn se jinġabru aktar fondi għall-Fondazzjoni ALS Malta.

L-għaqda tal-istudenti SDM ingħatat ukoll kliem ta’ ringrazzjament minn Bjorn Formosa, li stqarr mal-istudenti preżenti li dan hu żmien diffiċli għalih u għal dawk ta’ madwaru. Madankollu, inizjattiva bħal din u l-maratona li se tinżamm aktar tard dan ix-xahar jagħmlulu kuraġġ li l-ħolma tiegħu ta’ Dar Bjorn akbar issir realtà.