Formula 1 Sport

Lewis Hamilton iħeġġeġ biex il-media tal-Formula 1 tirrispetta lil Sebastian Vettel

Ir-relazzjoni bejn Vettel u Hamilton fl-aħħar xhur kienet pożittiva

Lewis Hamilton ħeġġeġ lill-media tal-Formula 1 biex juru aktar rispett lir-rivali tiegħu Sebastian Vettel. Is-sewwieq tal-Ferrari għamel serje ta’ żbalji fl-aħħar tiġrijiet, filwaqt li Hamilton rebaħ sitta mill-aħħar seba’ tiġrijiet biex fetaħ vantaġġ ta’ 67 punt fil-klassifika.

“Inħoss li l-media trid turi ftit aktar rispett lil Sebastian. Sempliċiment ma tistawx timmaġnaw kemm hi iebsa dak li aħna nagħmlu f’dan il-livell. Hu mistenni li bħala umani nagħmlu l-iżbalji imma hi kif ngħaddu minnhom li jgħodd,” qal Hamilton fuq il-media soċjali.

Vettel spiċċa fiċ-ċentru ta’ kritika wara l-aħħar żbalji fiċ-ċirkwit ta’ Suzuka, b’ġurnali Ingliżi bħal The Daily Telegraph, Daily Mail u The Sun kollha kienu kritiċi lejn l-erba’ darbiet champion tad-dinja.

The Sun spjegat li l-inċident bejn Vettel u Verstappen kien “eżempju spettakolari kif Vettel jikkrolla taħt il-pressjoni.”