Lokali

Muscat jiddefendi lil Chris Cardona

Fl-istess nifs jgħid li ma jistax jivverifika l-fatti li ħarġu mid-Daphne Project

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-fatti esposti mid-Daphne Project il-bieraħ, Joseph Muscat naqas milli jiċħad l-intriċċi tal-Ministru Chris Cardona bl-involviment tiegħu ma’ kuntrabandista tal-fuel u ma’ Alfred Degiorgio wieħed mit-tlett irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.  L-allegazzjonijiet jikxfu wkoll rabta bejn il-kuntrabandist u Degiorgio.

Iktar minn hekk, Joseph Muscat stqarr li ma jistax jivverifka l-fatti li ħarġu l-bieraħ minn dan il-grupp ta’ ġurnalisti iżda li jekk dak li ntqal hu minnu jidher li  hemm xhieda li qed tingħata lill-maġistrat inkwerenti.

Il-Prim Ministru ħarab mill-mistoqsija jekk għadx għandu fiduċja fi Chris Cadona wara li ħareġ li dan tal-aħħar kien allegatament attenda party privat flimkien mal-istess Degiorgio ftit tal-jiem qabel l-assassinju ta’ Caruana Galizia. Hu wieġeb biss li dan huwa fatt li Cardona qiegħed jiċħad.

Mistoqsi jekk iħassbux il-fatt li Cardona jidher il għandu struttura soda ta’ komunikazzjoni u ħbiberiji ma’ kriminali, hu kompla jaħrab mid-domanda u baqa’ jiddefendi lill-Ministru.

Fl-aħħar 24 siegħa Daphne Prooject żvelaw allegazzjonijiet ġodda fil-konfront ta’ Chris Cardona u r-rabta tiegħu ma wieħed mill-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia.