Lokali

RITRATT: Qala’ 17-il daqqa ta’ sikkina waqt li kien rieqed

Mirko Basile għadu rikoverat fl-Isptar Mater Dei

Joħorġu dettalji ġodda dwar il-każ taż-żagħżugħ Sqalli li ftit tal-jiem ġie aggredit minn sieħbu f’appartament f’San Ġiljan.

Il-media Taljana illum qed tirrapporta illi kienu “mumenti ta’ rabja” illi wasslu biex l-allegat aggressur, Daniele Vitale, tilef rasu u ħebb għal Mirko Basile.

Dan ir-ritratt juri lill-vittma li mirakolożament salva minn din l-aggressjoni. Kien Basile stess li miksi bid-demm mar jirrapporta fl-għassa ta’ San Ġiljan.

Basile ġarrab feriti f’idu u f’wiċċu, filwaqt li intlaqat ukoll b’daqqiet f’ġenbu u fil-pulmun.

Iż-żagħżugħ ilu Malta minn Marzu.

Jirriżulta li issa Basile qed jirkupra sew, u saħansitra beda jiekol u jimxi. Fl-isptar hemm ukoll missieru, li qabad l-ewwel titjira li sab biex jiġi ħdejn ibnu wara dan il-każ xokkanti.