Lokali

Sejħa biex Chris Cardona jirriżenja

Il-Ministru Chris Cardona
Inkella għandu jkun Muscat li jkeċċih

Nesiġu r-riżenja ta’ Chris Cardona minn Ministru tal-Kabinett. Jekk ma jitlaqx minn jeddu, il-Prim Ministru għandu jkeċċih, inkella jerġa jikkonferma li l-konfoffa biex tinħeba l-verità hi mmexxija direttament minn Joseph Muscat.

Din kienet il-pożizzjoni ta’ Occupy Justice, b’rappreżentanti tal-organizzazzjoni jerġgħu jmorru l-Għassa tal-Belt biex jinfurmaw lill-Pulizija b’dak li kien irrappurtat fil-media internazzjonali fl-aħħar jiem.

Joanna Agius, kelliema tal-organizzazzjoni spjegat lill-media li l-pożizzjoni tagħhom saret inevitabbli wara li ġurnal Taljan irrapporta li s-Servizzi Sigrieti Maltin ħbew mill-Maġistrat Anthony Vella, illum Imħallef, informazzjoni dwar komunikazzjoni bit-telefon li kienet turi rabta bejn il-Ministru Chris Cardona u Alfred Degiorgio.

L-organizzazzjoni qed issostni li dan il-fatt hu każ ieħor li jipperikola l-investigazzjonijiet, kif ukoll sforz ikkordinat biex ma tinstabx il-verità dwar kulmin kien jaf minn qabel bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u xi rwol seta’ kellhom persuni involuti fil-politika.

Filwaqt li tennew li r-relazzjoni viċina li l-Ministru Cardona għandu mal-persuni li wettqu l-qtil tal-Ġurnalista tagħmel il-pożizzjoni tiegħu mhux tenibbli, l-organizzazzjoni kompliet tesprimi t-tama li ssir ġustizzja fil-konfront ta’ min ippjana, ħallas u organizza dan l-assassinju.

Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet, ir-rappreżentanti ta’ Occupy Justice daħlu fl-Għassa tal-Belt biex jinfurmaw lill-Pulizija b’dak li ġie rrappurtat fil-media internazzjonali, bit-tama li tittieħed azzjoni u jekk il-Korp għandu l-provi li jwassluh għall-kriminali, jara li ssir Ġustizzja.