Il-proposti jinkludu dritt tal-appell, protezzjoni ta’ intermedjarji inkluż ġurnalisti u żvelar pubbliku
“Diversi Stati Membri naqsu milli jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom stess li jirrapportaw ksur tal-liġi. Huwa għalhekk li l-adozzjoni tal-lum ta’ proposta biex tintroduċi u ssaħħaħ il-protezzjoni tal-whistleblowers madwar l-UE huwa pass importanti għad-demokrazija u s-saltna tad-dritt. Huwa wkoll messaġġ ċar li ninsabu ma’ ġurnalisti investigattivi inkluż Daphne Caruana Galizia, Jan Kuciak u Viktoria Marinova, dan qed nagħmluh għalihom ukoll”. Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech għamel dawn ir-rimarki wara votazzjoni importanti li ttieħdet waqt laqgħa tal-Kumitat responsabbli għall-midja fil-Parlament Ewropew fi Brussell, u li matulha ġew adottati diversi proposti biex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-whistleblowers li ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea.
Zammit Dimech, li kien ir-Rapporteur tal-Grupp EPP qal “Kieku ma kienx grazzi għal whistleblowers, qatt ma konna nkunu nafu bi skandli bħall-Panama Papers u dawk ta’ korruzzjoni li qed iseħħu fl-ogħla livelli. Il-whistleblowers jieħdu riskji personali biex jirrapportaw ksur tal-liġi, irregolaritajiet u korruzzjoni. Huwa għalhekk li enfasizzajt il-ħtieġa li niddefendu liċ-ċittadini li jirrapportaw ksur tal-liġi biex jissalvagwardjaw l-interess pubbliku u l-funzjonament tajjeb tad-demokrazija. Il-whistleblowers jistħoqqilhom protezzjoni legali, ekonomika, soċjali u psikoloġika.”
L-abbozz ta’ kompromess miftiehem bejn il-gruppi politiċi ewlenin kien jirrifletti wkoll il-proposta ta’ Zammit Dimech li filwaqt li primarjament għandhom jintużaw metodi interni, jekk dawn jitqiesu inadegwati mill-persuni li jirrapportaw, għandhom ikunu jistgħu jużaw rotot esterni jew jilħqu direttament lil il-pubbliku. Zammit Dimech żied jgħid li dan kien kruċjali minħabba li xi drabi l-gvernijiet ipprovdew protezzjoni lil dawk li huma viċin tal-gvern rispettiv.
Zammit Dimech, membru tal-Kumitat responsabbli għall-midja, kien ukoll ir-rapporteur tal-grupp tal-PPE dwar il-Ħelsien mid-Media u l-pluraliżmu, u enfasizza l-ħtieġa ta’ protezzjoni effettiva ta’ whistle-blowers u r-rwol kruċjali tagħhom fil-ġurnaliżmu investigattiv. Matul in-negozjati, Zammit Dimech assigura li l-protezzjoni permezz tal-leġiżlazzjoni dwar il-whistleblowers tingħata wkoll lill-intermedjarji li jiffaċilitaw ir-rapport u / jew l-iżvelar ta’ ksur tal-liġi inkluż il-ġurnalisti.
Ir-rapport adottat mill-Kumitat jinkludi wkoll li l-awtoritajiet li jirċievu u li jimmaniġġaw ir-rapporti għandhom ikunu indipendenti. Barra minn hekk ġiet adottata wkoll il-proposta ewlenija ta’ Zammit Dimech dwar id-dritt tal-appell u l-imparzjalità tal-awtoritajiet. Il-proposta tiegħu tiddikjara li l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuni li jeħtieġu protezzjoni bħala whistleblowers se jkunu intitolati għad-dritt ta’ appell quddiem il-Qrati u li taħt l-ebda ċirkostanza l-awtorità inkarigata li tagħti tali status jew protezzjoni ma jkollha kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali fir-rigward tal-għoti jew le ta’ tali status jew protezzjoni.
Zammit Dimech ippreżenta wkoll numru ta’ proposti fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali li huwa membru fih. Hu mistenni li tittieħed votazzjoni fuq dawn il-proposti sa tmiem dan ix-xahar.
//= $special ?>