Sport Waterpolo

Petar Muslim konfermat ma’ Neptunes għal staġun ieħor … miegħu jingħaqad Darko Brguljan

(Ritratt: Martin Agius)

Iċ-champions lokali Neptunes WPSC jinsabu għaddejjin b’ħidma kontinwa biex ikunu preparati bit-tama li jiddefendu b’suċċess il-kampjonat li rebħu fis-sajf li għadda. Neptunes ħabbru li kkonfermaw lill-Kroat Petar Muslim biex jerġa’ jkun magħhom fis-sajf li ġej. Iżda minħabba li l-istaġun li ġej se jerġa’ jkun hemm l-introduzzjoni tat-tieni barrani, Neptunes ħabbru wkoll l-akkwist tal-Montenegrin Darko Brguljan.

Muslim li għandu 30 sena, kellu staġun mill-aqwa fl-ewwel kampjonat tiegħu f’pajjiżna. Hu wera l-kwalitajiet tiegħu mill-ewwel fejn afferma postu kemm fis-centre, kif ukoll fuq il-lemin fejn mela tajjeb il-vojt li Neptunes għandhom minħabba n-nuqqas ta’ plejers xellugin fit-tim għajr iż-żagħżugħ Nikolai Zammit. Hu rnexxielu jiskorja 43 gowl fit-18-il logħba ta’ Neptunes fil-kampjonat.

Muslim hu twil żewġ metri u fil-karriera tiegħu rebaħ diversi unuri mat-tim nazzjonali tal-Kroazja. Hu kien parti mit-tim Kroat li rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012. Hu rebaħ ukoll il-fidda fil-Kampjonat tad-Dinja fl-2015 f’Kazan u l-bronż fl-2011 f’Shanghai u fl-2013 f’Barcelona.

Il-Kroat rebaħ il-Kampjonat Ewropew fl-2010 f’Zagreb, u l-fidda fit-Tazza tad-Dinja f’Oradea fl-2010. Muslim rebaħ il-midalja tad-deheb fil-FINA World League f’Almaty fl-2012 u spiċċa t-tielet fis-sentejn preċedenti. Muslim rebaħ ukoll il-Logħob tal-Mediterran fl-2013 f’Mersin.

Brguljan li għandu 27 sena, rebaħ il-fidda mat-tim nazzjonali tal-Montenegro fl-2013 fil-Kampjonat tad-Dinja li kien sar f’Barcelona, kif ukoll il-fidda fil-Kampjonat Ewropew tal-2016 li kien sar f’Belgrad, l-istess edizzjoni li fiha t-tim Malta pparteċipa għall-ewwel darba mal-aqwa fl-Ewropa. Hu lagħab ukoll fl-Olimpjadi tal-2016 f’Rio fejn saħansitra kien magħżul fit-tim All-Star u ġarr il-bandiera ta’ pajjiżu fiċ-Ċerimonja tal-Għeluq.

Għal Brguljan din mhux se tkun l-ewwel esperjenza f’pajjiżna. Hu kien lagħab għal żmien qasir f’Malta għall-ewwel darba fl-2012 fl-età ta’ 21 sena, dak iż-żmien ma’ San Ġiljan fi żmien li Karl Izzo kien kowċ. Hu kien skorja 11-il gowl fit-tliet partiti li lagħab.

F’dan is-sajf, Brguljan lagħab f’pajjiżna fejn lagħab fl-Ewwel Diviżjoni ma’ Birżebbuġa. Hu kien strumentali biex Birżebbuġa ddominaw l-ewwel parti tal-kampjonat fejn skorja 17-il gowl fl-erba’ logħbiet tal-ewwel rawnd u sitt gowls oħra fin-knock-out.

Tliet plejers iġeddu l-kuntratt

Din l-aħbar tasal wara li fl-aħħar jiem Neptunes ġeddew il-kuntratt ma’ Alan Borg Cole u Jeremy Abela għal erba’ snin kif ukoll għal ħames snin ma’ Jake Muscat.

Alan Borg Cole hu wieħed mill-pedini importanti tat-tim hekk kif hu ilu regolari minn meta ngħaqad magħhom fl-2013. Minn dakinhar, Borg Cole rebaħ erba’ kampjonati, knock-out, darbtejn il-kampjonat tax-xitwa u darbtejn it-Tazza ta’ President.

Jeremy Abela kien wieħed mill-plejers sorpriża meta Neptunes rebħu l-kampjonat fl-2016 b’21 gowl skorjat fi staġun li poġġieh bħala regolari fit-tim. L-istaġun li għadda kellu staġun kwiet fejn skorja biss 13-il gowl, iżda f’dan l-istaġun reġa’ tjieb, tant li skorja 20 gowl fil-kampjonat. Bħalissa Abela jinsab fis-Serbja għal esperjenza ma’ Vojvodina.

Fuq in-naħa l-oħra, Jake Muscat hu meqjus bħala wieħed mill-plejers tal-futur. F’dan l-istaġun Muscat lagħab mat-timijiet ta’ taħt il-15, is-17 u l-20 kif ukoll mat-tim tal-kbar fejn irnexxielu jiskorja żewġ gowls minkejja l-età tenera tiegħu.