Internazzjonali

Bulgaru akkużat bil-qtil tal-ġurnalista Bulgara

Raġel kien arrestat fil-Ġermanja b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista investigattiva Bulgara Viktoria Marinova. Ir-raġel kien identifikat bħala Severin Krasimirov u kien arrestat wara li kampjun tad-DNA fuq il-vittma kien jaqbel ma’ tiegħu. Barra minn hekk, l-uffiċjali Bulgari qed ikomplu jinsistu li l-qtil ta’ Marinova ma’ kellux x’jaqsam max-xogħol tagħha. Ftit qabel ma nqatlet, hi kienet ippreżentat programm dwar il-frodi li qed ikun hemm fil-Bulgarija mill-fondi li jingħataw lill-pajjiż mill-Unjoni Ewropea. Iżda l-investigaturi qalu li kollox qed jindika li hi kienet vittma ta’ attakk bi skop sesswali; imma minkejja dan, xorta ma kien qed ikun eskluż xejn. Severin Krasimirov telaq mill-Bulgarija lejn il-Ġermanja l-Ħadd, ġurnata wara l-istupru u l-qtil ta’ Marinova. Huwa kien arrestat mill-Pulizija Ġermaniża fi Stade, qrib Hamburg. Kien hemm raġel ieħor li kien arrestat it-Tlieta, imma dan inħeles minn kull akkuża. Il-katavru ta’ Marinova nstab is-Sibt f’park fil-belt ta’ Ruse, tul ix-Xmara Danubju u qrib il-fruntiera Rumena. It-telefon ċellulari, in-nuċċali, iċ-ċwievet kif ukoll parti mill-ħwejjeġ tagħha kienu nieqsa meta nstab il-katavru.