Lokali

Dewmien biex titlaq titjira tar-Ryanair wara argument bejn kopja li kienu abbord

Titjira ta’ Ryanair li llejla kellha titlaq lejn l-Ajruport ta’ Stansted, f’Londra, kellha tittardja għal xi minuti wara inċident mhux tas-soltu.

NETnews.com.mt jinsab infurmat li appena l-passiġġieri tellgħu abbord għat-titjira, li kellha titlaq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fid-9.25pm, passiġġier kellu argument mas-sieħba tiegħu.

Dan wassal biex l-Uffiċjali abbord sejħu għall-assistenza tal-Pulizija. Kif telgħu fuq l-ajruplan, is-sitwazzjoni ma tidhirx li kkalmat, tant li l-membri tal-Korp kellhom iniżżlu lill-passiġġier ħalli t-titjira setgħet tħalli Malta.

Miegħu, tniżżlet ukoll is-sieħba, li mbagħad kienu interrogati mill-Pulizija. Madankollu, s’issa għadu mhux stabbilit jekk ir-raġel kienx taħt l-effetti tal-alkoħol jew x’seta’ wassal għal dan l-argument bejn it-tnejn.

Wara li s-sitwazzjoni abbord ġiet lura għan-normal, il-membri tal-ekwipaġġ kellhom jerġgħu jibdew il-proċedura kollha tat-tluq. Dan wassal għal dewmien ta’ aktar minn 40 minuta mill-ħin skedat oriġinarjament.