Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija kkundanna l-aġir tad-Deputati Laburisti b’mod partikolari tal-Ministru Chris Cardona u tad-Deputat Laburista Glenn Bedingfield fil-Parlament waqt s-seduta tal-Erbgħa wara nofsinhar meta b’mod kontinwu ppruvaw iwaqqfu lid-Deputat Simon Busuttil milli jitkellem waqt il-ħin tal-aġġornament.
F’tentattiv ċar li jċaħħdu Deputat tal-Oppozizzjoni mid-dritt tiegħu li jitkellem fil-Parlament, il-Ministru Chris Cardona u numru ta’ Deputati Laburisti oħra nqdew b’sensiela ta’ point of ordersbla ebda bażi biex jattakkaw lid-Deputat Simon Busuttil u jtellfu mill-ħin allokat għall-Oppożizzjoni. L-istqarrrija tkompli tgħid li saħansitra d-Deputat Laburista Glenn Bedingfield l-ewwel infexx jgħajjar lil Simon Busuttil u wara instema jgħid kliem li xejn ma jixraq lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
L-istqarrija ffirmata mill-Viċi Kap għall Ħidma fil-Parlament David Agius tkompli tgħid li l-imġieba tal-Ministru Chris Cardona u tad-deputati Laburisti ma tixraqx lill-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna u turi l-istat ta’ paniku li jinsab fih il-Partit Laburista. Huwa ċar li d-Deputati Laburisti qed jibżgħu li toħroġ il-verità kollha dwar il-kumpanija Egrant. Il-Prim Ministru għadu s’issa ma ppubblikax ir-rapport sħiħ tal-inkjesta Egrant minkejja diversi sejħiet u kawża fil-Qorti mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-Prim Ministru mhux veru jrid li l-Oppożizzjoni u l-poplu Malti jkunu jafu x’fih ir-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja.
L-istqarrija ttem tgħid li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi d-dritt ta’ kull Deputat li jitkellem mingħajr ma jiġi mwaqqaf u mfixkel mill-Ministri u mid-Deputati Laburisti.
//= $special ?>