Maria Lourdes Agius, il-mara li nstabet mejta fir-residenza tagħha f’Raħal Ġdid, mietet fgata. Dan ħareġ mill-awtopsja li saret fuq il-mara, liema dettalji ħarġu hekk kif il-Ħamis kompliet il-kumpilazzjoni fil-Qorti kontra s-sieħeb tagħha.
Michael Emmanuel, ta’ 28 sena, jinsab akkużat bil-qtil ta’ Agius ta’ 35 sena, omm ta’ sebat itfal, tlieta minnhom mal-akkużat.
Mix-xhieda ħareġ li jumejn qabel il-qtil tal-15 ta’ Settembru, Emmanuel kien involut f’argument domestiku jaħraq mal-vittma u ma’ ommha li matulu kisser siġġu fuq il-vittma u taha xi daqqiet ta’ sieq.
Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, l-Ispettur James Grech xehed li dakinhar tad-delitt, l-akkużat mar jirrapporta fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid fejn qal li s-sieħba tiegħu ma qamitx.
Kompla li meta l-pulizija marru fuq il-post, sabu lil omm il-vittma li qaltilhom li bintha għadha rieqda u qalet li dan jista’ jkun minħabba l-argument domestiku li nqala’ jumejn qabel.
Meta indunaw li Maria Lourdes Agius kienet fil-fatt mejta, qamet kommossjoni bejn omm il-vittma u l-akkużat, tant li kellha tferraqhom il-pulizija.
Michael Emmanuel, qal lill-Pulizija li fil-lejl ta’ qabel hu kellu x’jaqsam sesswalment mal-vittma u marru jorqdu għall-ħabta tal-10p.m. Qal li meta qam filgħodu, Maria Lourdes Agius ma kienetx f’sensiha.
L-Ispettur kompla li mill-awtopsja irriżulta li l-vittma mietet fgata. Barraminhekk, hi kellha tbenġil ma’ ġisimha kollu u qalgħet mill-inqas żewġ daqqiet kbar fuq rasha.
Is-seduta kompliet fil-magħluq minħabba s-sensittivita’ tal-każ.
L-Avukat Lucio Sciriha qed jidher għall-akkuzat.
//= $special ?>

