L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista David Casa u Francis Zammit Dimech iltaqgħu ma’ delegazzjoni ta’ negozjanti Maltin immexxija mill-Malta Business Bureau. Matul din il-laqgħa fil-Parlament Ewropew ġew diskussi numru ta’ temi, inkluż l-isfidi li jiffaċċjaw l-intraprendituri Maltin, Brexit, il-]idma tad-delegazzjoni Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew fir-rigward tan-negozju, kif ukoll numru ta’ oqsma fejn l-MEPs Maltin jistgħu jgħinu lin-negozji Maltin biex ikomplu jikbru.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li fir-rwol tiegħu bħala Rapporteur tad-Direttiva dwar il-Bilanċ tal-Ħajja tax-Xogħol, qed jaħdem biex jiżgura li d-drittijiet ġodda li l-familji se jibbenefikaw minnhom ma jiġux introdotti għad-detriment ta’ negozji żgħar. Huwa qal li fin-negozjati tat-trilogue mal-Kunsill u mal-Kummissjoni, qed jinnegozja dwar numru ta’ metodi dwar kif jistgħu jiġu introdotti dawn id-drittijiet ġodda – bħal leave tal-ġenituri – flimkien ma’ salvagwardji li jiżguraw li n-negozju ma jitwaqqafx.
L-MEP David Casa enfasizza wkoll l-importanza li jkun hemm istituzzjonijiet b’saħħithom u indipendenti. “Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna hija kruċjali fl-attrazzjoni ta’ investiment barrani u huwa għalhekk li naħdem b’mod intensiv biex niżguraw li l-ftit nies li qed itappnu l-isem ta’ pajjiżna jieqfu jagħmlu dan. Irridu li pajjiżna jkollu r-reputazzjoni kbira li darba kellu, mhux biss fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, iżda wkoll ma’ intraprendituri barranin, “qal David Casa.
Fir-rigward ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol aktar trasparenti, l-MEP Zammit Dimech qal li bħala Rapporteur tal-Grupp tal-PPE, huwa ħadem biex imexxi ‘l quddiem proposti miftiehma minn rappreżentanti ta’ ħaddiema u negozji dwar kwistjonijiet bħat-tneħħija ta’ kuntratti magħrufa bħala zero hour.
B’risposta għat-tħassib dwar nuqqas ta’ ħiliet u sfidi ffaċċjati minn negozji f’dan ir-rigward, Zammit Dimech qal li fil-Kumitat għall-Edukazzjoni kien għamel għadd ta’ proposti li jittrattaw il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni li kieu kruċjali biex jiġi żgurat li s-sistema edukattiva tagħna tħejji studenti għall-isfidi u impjiegi ta’ għada, bħalma hu l-każ fis-settur tal-Artificial Intelligence.
Zammit Dimech fakkar kif diversi negozji jiddependu fuq il-pjattaformi u s-search engines biex jilħqu lill-klijenti tagħhom u għalhekk jeħtieġ li jkun hemm iktar trasparenza biex tkun żgurata l-ġustizzja f’termini ta’ kompetizzjoni onlajn. Huwa tenna l-impenn tiegħu biex jissalvagwardja lin-negozji ż-żgħar. Huwa ħa l-opportunità li jirringrazzja lil bosta entitajiet Maltin inklużi l-lukandi u l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet għar-rispons tagħhom dwar il-leġiżlazzjoni li qed iwassal fil-Kumitat għall-Affarijiet Legali.
Huwa qal li jibqa’ disponibbli biex jappoġġja lin-negozji bi kwalunkwe mod possibbli permezz ta’ leġiżlazzjoni inkluż permezz tal-liġi tal-kumpaniji li qed jiġi diskuss bħalissa fil-kumitat għall-Affarijiet Legali. Zammit Dimech spjega kif kien ħadem biex jiżgura li ċerti kwistjonijiet tal-VAT li jistgħu jikkompromettu lin-negozji ma jiddaħħlux fil-leġiżlazzjoni proposta.
//= $special ?>