Lokali

Sejħa għal kummissjoni indipendenti biex tistħarreġ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li din il-kummissjoni speċjali għandha tidentifika n-nuqqasijiet li seħħew fil-protezzjoni li l-Gvern kellu jagħti lill-ġurnalista maqtula u baqa' ma tahiex

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, hu ċar li l-Gvern ma wettaqx dmiru sewwa la qabel il-qtil biex jipprevenih u lanqas wara biex jinvestigah sewwa u jsib min qabbad dan il-qtil. Għaldaqstant, l-Oppożizzjoni qed isejjaħ sabiex il-Gvern iwaqqaf kummissjoni speċjali, awtonoma u independenti dwar dan il-qtil. Liema kummissjoni tkun tgawdi fiduċja wiesgħa fil-pajjiż.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Ġustizzja Adrian Delia, il-PN qal li fost l-aħħar żviluppi hemm: il-kundanna tal-Qorti Kostituzzjonali għall-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni dwar dan il-qtil bl-involviment tar-raġel ta’ Ministru; l-ammissjoni li għamel fil-Parlament il-Ministru Chris Cardona li għandu qrubija ma’ wieħed mill-akkużati bil-qtil u li kien f’bachelor’s party miegħu; u ir-rivelazzjonijiet fil-media Taljana li Chris Cardona rċieva telefonata mingħand l-istess persuna li eżatt wara ċemplet lil wieħed mill-akkużati bil-qtil.

Adrian Delia qal li din il-kummissjoni speċjali għandha tidentifika n-nuqqasijiet li seħħew fil-protezzjoni li l-Gvern kellu jagħti lill-ġurnalista maqtula u baqa’ ma tahiex; tistħarreġ x’kienu jafu l-awtoritajiet dwar movimenti li kienu qed iseħħu u li setgħu jindikaw theddida għall-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia; u tinvestiga jekk l-awtoritajiet naqsux milli jaġixxu tempestivament fid-dawl ta’ dak li kienu jafu biex jipproteġu ħajjet il-ġurnalista qabel inqatlet.

Hu fakkar li apparti l-protezzjoni li messha ngħatat lill-ġurnalista qabel inqatlet, sena mill-qtil tagħha għad mhux identifikat il-mandant li qabbad li tinqatel. Din hi ħaġa gravi u ta’ import politiku kbir f’dan il-każ, sostna l-Kap tal-PN
Għalhekk l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern: Jgħid ċar x’għamel u x’għadu qed jagħmel il-Korp tal-Pulizija biex isib il-mandant li qabbad dan il-qtil; Ineħħi lill-Kummissarju tal-Pulizija preżenti li ġie kundannat mill-Qorti għal investigazzjoni mdardra bl-involviment tar-raġel ta’ Ministru u li evidentement għandu jkun taħt investigazzjoni tal-kummissjoni speċjali; u Jaħtar Kummissarju tal-Pulizija serju li, anke jekk tard, jibda jidderieġi b’indipendenza t-tiftix u l-qbid tal-mandant li qabbad dan il-qtil.