Tmien partiti u tmien telfiet fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew, madankollu jeżisti ottimiżmu fit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena li llum jinkiseb tal-anqas l-ewwel punt fi Grupp 6.
F’konferenza stampa lejliet il-konfront, il-kowċ nazzjonali Silvio Vella wera fiduċja iżda prudenza għal dan il-konfront. Hu qal li t-telfa ta’ 2-1 kontra l-Ungerija aktar kmieni f’dan il-grupp hi weġgħa’ li tibqa’, iżda saħaq li t-tim Malti jrid jitfa’ din il-logħba warajh u jgħolli l-livell.
Vella għamel referenza għad-differenza fil-livell ta’ intensità li ż-żgħażagħ Maltin isibu f’dawn il-logħbiet. “L-Ungerija huma tim b’saħħtu, veloċi u tajbin fl-arja. Jilagħbu logħba b’intensità għolja, xi ħaġa li l-plejers tagħna ma jesperjenzawx fil-kampjonat. Kieku kull ġimgħa jilagħbu b’din l-intensità nkunu nistgħu nħabbtuha ma’ kulħadd,” kompla Vella.
Il-plejer ta’ Birkirkara Matthew Guillaumier qal li t-tim Malti tgħallem mill-ewwel konfront fl-Ungerija u issa jafu xi jridu jagħmlu bl-istruzzjonijiet tal-kowċ Vella. Guillaumier għamel referenza dwar l-injury li għamlet l-aħħar sena tiegħu diffiċli fejn irringrazzja lil dawk li għenuh biex illum reġa’ jinsab jilgħab b’mod regolari.
Silvio Vella ta ħjiel li t-tim Malti se joħroġ bis-sistema tipika tal-aħħar logħbiet, b’għażla bejn 3-5-2 u 5-4-1. Neqsin mit-tim hemm Jake Grech, Joseph Mbong u Juan Corbolan li jinsabu fl-iskwadra tat-tim nazzjonali tal-kbar, b’Vella jgħid bl-assenza ta’ dawn it-tliet plejers importanti, hi opportunità għal dawk li se jilagħbu minflokhom biex juru x’jafu.
//= $special ?>