Il-Jum Internazzjonali tal-Obeżita’ għandu jkun jum fejn nieqfu ftit u naħsbu dwar l-istat tas-saħħa tagħna. Altru milli l-aqwa fl-Ewropa, etajiet partikolari tal-popolazzjoni Maltija jinsabu fuq quddiem bħala l-aktar obeżi jew b’piż eċċessiv, b’mod partikolari is-subien u l-bniet ta’ 13-il sena.
L-obeżita’ tista’ tolqotna lkoll. Riċerka fl-Iskozja qed turi li sa’ 25 sena oħra, in-numru ta’ mwiet fin-nisa mill-kanċer ikkawżat bl-obeżita’ ser jeċċedi dak ikkawżat minħabba t-tipjip. Daqshekk hija serja l-isfida tagħna kontra l-obeżita’. Il-Jum Internazzjonali tal-Obeżita’ għalhekk għandu jkun ta’ ispirazzjoni sabiex nieħdu azzjoni immedjata. L-azzjoni tagħna llum, tipprevjeni problemi ta’ saħħa fil-futur. Dak li nistgħu ntejbu llum b’mod faċli, jsir iktar diffiċli tindirizzah fil-futur.
Il-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat biex flimkien niġġieldu din il-ġlieda. Il-Gvern min-naħa tiegħu jeħtieġ ikun aktar pro-attiv, billi jintroduċi l-provvedimenti li jdaħħlu fis-seħħ il-Liġi għal Stili ta’ Ħajja Sana. Din il-liġi kienet approvata mill-Parlament f’Jannar tal-2016 u kien biss wara sentejn u nofs li l-Gvern ħa azzjoni, li pero kienet limitata biss għal parti żgħira tal-liġi. Il-Liġi ta’ stili ta’ Ħajja Sana tindirizza it-tip ta’ ikel li jitqassam fl-iskejjel, fid-djar tal-anzjani u f’istituzzjonijiet pubbliċi, tinċentiva l-Kunsilli Lokali sabiex jaħdmu biex iqajmu kuxjenza, u tirregola l-promozzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li mhux sustanzjuzi għall-ġisem tal-bniedem.
Il-Partit Nazzjonalista jsellem ukoll il-grupp ta’ speċjalisti li ngħaqdu sabiex ħolqu l-Malta Obesity Association bil-għan li jqajmu kuxjenza u joffru għajnuna li bħalissa mhix provduta mill-Istat. Ma nistgħux nibqgħu passivi jekk irridu l-poplu Malti jkun f’saħħtu, b’inqas dipendenza fuq is-servizz tas-saħħa u li jgħix ħajja iktar fit-tul.
//= $special ?>