Lokali

FILMAT: Owen Bonnici jibqa’ jaħrab milli jwieġeb

Ma jweġibx jekk hux l-avukat ta' Joseph Muscat jew le.

Il-Ministru Owen Bonnici jaħrab milli jwieġeb direttament jekk hux l-Avukat tal-Prim Ministru Joseph Muscat jew le.

Din kienet l-ewwel okkazzjoni li fiha Owen Bonnici iffaċja d-domandi diretti ta’ Net News…bil-Ministru ma jweġibx dwar il-Ksur tal-Etika, kemm-il darba hu qed jaġixxi bħala avukat tal-Prim Ministru.

Owen Bonnici jibqa’ ma jweġibx għal mistoqsijiet diretti ta’ Net News

Fl-aħħar jiem, fil-Qorti, l-Avukat Ġenerali ddikjara li anke l-Ministru Owen Bonnici ngħata kopja tar-rapport komplut għax, skont hu, aġixxa bħala l-Avukat tal-Prim Ministru.

Din id-dikjarazzjoni wasslet għar-reazzjoni mill-Kamra tal-Avukati, bil-President tal-Kamra George Hyzler jgħid li bħala Ministru, Owen Bonnici ma jistax qatt jaġixxi bħala Avukat, wisq anqas tal-Prim Ministru.

Sadanittant, fis-seduta tat-Tlieta li għaliha l-Avukat Ġenerali Peter Grech ma kienx preżenti, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li ma kellux aktar mistoqsijiet għall-Avukat Ġenerali. Kien f’dan il-mument li l-Avukati tal-Kap tal-Oppożizzjoni talbu biex fis-seduta li jmiss jixhdu l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja.

Din it-talba wasslet għall-oġġezzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, bl-Imħallef Robert Mangion jgħid fid-digriet tiegħu li Joseph Muscat u Owen Bonnici għandhom jissejħu biex jixdhu.