Futbol Sport

FILMAT: Usain Bolt jiskorja doppjetta ma’ Central Coast Mariners

Usain Bolt skorja l-ewwel gowls tiegħu ma’ tim professjonali tal-futbol, b’doppjetta fl-ewwel logħba ma’ Central Coast Mariners f’partita ta’ ħbiberija. Il-Ġamajkan, tmien darbiet champion Olimpiku, skorja t-tielet u r-raba’ gowl f’rebħata’ 4-0 fuq Macarthur South West u ċċelebra bil-poża tipika tiegħu.

Bolt ingħaqad mat-tim tal-A-League f’Awwissu għal perjodu indefinit ta’ taħriġ. Wara l-partita, Bolt qal li l-ħolm isiru realtà bix-xogħol iebes. “L-ewwel logħba u skorjajt żewġ gowls, hi emozzjoni sabiħa. Kuntent li stajt niġi hawn u nuri lid-dinja li qed nitjieb. Qed inħares li nkun Mariner, nilgħab l-aqwa tiegħu u nidħol fit-tim.”

L-ewwel gowl ta’ Bolt wasal fis-57 minuta meta rċieva ballun fl-ispazju, daħal fil-kaxxa u skorja b’xutt fil-baxx bix-xellug. It-tieni gowl wasal 11-il minuta bi żball fid-difiża, b’Usain Bolt jiskorja f’lasta vojta.

Bolt li għandu r-rekord tal-100 metru u l-200 metru fl-atletika, tħarreġ fil-passat ma’ Borussia Dortmund, mal-klabb mill-Afrika ta’ Isfel Sundowns u mat-tim Norveġiż Stromsgodset. Hu rtira mill-atletika fl-2017 u minn dakinhar qal li tkun ħolma għalih li jilgħab il-futbol professjonali. Il-kampjonat A-League fl-Awstralja jibda fid-19 ta’ Ottubru, b’Central Coast Mariners għadhom iridu jikkonfermaw jekk Bolt hux se jkun offrut kuntratt.