Formula 1 Sport

George Russell se jagħmel id-debutt fil-Formula 1 ma’ Williams l-istaġun li ġej

Is-sewwieq ta’ riserva ta’ Mercedes George Russell se jagħmel id-debutt fil-Formula 1 l-istaġun li ġej hekk kif se jikkompeti ma’ Williams. Russell li f’dan l-istaġun saq f’żewġ sessjonijiet ma’ Force India u f’erba’ testijiet ma’ Mercedes, se jieħu post Lance Stroll.

Wara staġun impressjonanti fil-Formula 2, Mercedes kienu qed jaħdmu biex isibu post lil Russell. Iċ-champion renjanti tal-GP3 ingħaqad mal-programm taż-żgħar ta’ Mercedes fil-bidu tal-2017. Il-Britanniku jinsab fil-quċċata tal-Formula 2 b’vantaġġ ta’ 37 punt minn Alexander Albon bi 48 punt għad-dispożizzjoni fl-aħħar tiġrija tal-istaġun f’Abu Dhabi.

Russell se jkun l-ewwel sewwieq Britanniku li jtellaq full-time ma’ Williams minn żmien Jenson Button fl-2000 u se jkollu biss 21 sena meta jtellaq fl-Awstralja fiċ-ċirkwit ta’ Albert Park f’Melbourne f’Marzu li ġej.

Id-Deputat Prinċipal ta’ Williams Claire Williams qalet li huma dejjem pruvaw jiżviluppaw talent żagħżugħ u saħqet li Russell jidħol perfettament f’dan il-kwadru. “Fiż-żmien li għamilna miegħu sa issa, nemmnu li se jidħol tajjeb fit-tim; l-impenn, il-passjoni u d-dedikazzjoni huma eżattament dak li rridu biex inkomplu r-ritmu pożittiv hekk kif qed niffukaw fuq il-futur.”

George Russel qal li hu unur kbir li jingħaqad ma’ tim tal-prestiġju u l-istorja ta’ Williams. Hu kompla li l-Formula 1 hi ħolma ta’ ħajtu u jħossha surreali li minn żmien li kien isegwi t-tiġrijiet bħala tifel, issa se jkun flimkien ma’ sewwieqa li ammira għal snin.

Is-sewwieqa sa issa fl-istaġun 2019

Mercedes      Lewis Hamilton         Valtteri Bottas

Ferrari           Sebastian Vettel        Charles Leclerc

Red Bull        Max Verstappen        Pierre Gasly

Renault          Daniel Ricciardo       Nico Hulkenberg

Haas               Romain Grosjean     Kevin Magnussen

McLaren        Carlos Sainz               Lando Norris

Force India             /                                    /

Toro Rosso   Daniil Kvyat                         /

Sauber           Kimi Raikkonen         Antonio Giovinazzi

Williams        George Russell                   /