Gowl lejn it-tmiem ta’ Myles Beerman ta rebħa drammatika lit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, rebħa ta’ 2-1 li fissret l-ewwel punti għaż-żgħażagħ Maltin f’dan il-grupp. Hu fatt li r-rebħa waslet fl-aħħar sekondi tal-logħba, iżda t-tliet punti kienu meritati għat-tim immexxi minn Silvio Vella li kien tajjeb f’diversi fażijiet, b’diversi okkażjonijiet ta’ skor.
Fil-konferenza stampa ta’ qabel il-logħba, il-kowċ Malti Silvio Vella qal li minkejja li dawn huma l-aħħar żewġ logħbiet fil-grupp, hu jaħseb logħba logħba. Issa li waslet din ir-rebħa, it-tim Malti se jħares għall-impenn tat-Tlieta kontra Ċipru b’ottimiżmu li jtemm Grupp 6 b’riżultat pożittiv u b’ċans li jilħaq lil Ċipru.
L-Ungerija kellhom aktar pussess fl-ewwel taqsima, iżda t-tim Malti ftit wera li kien inferjuri, b’Vella jisħaq fuq l-organizzazzjoni fid-difiża. L-Ungeriżi ħolqu l-ewwel azzjoni wara ħames minuti bi kross ta’ Szalai lejn l-iżmarkat Gazdag, iżda x-xutt tiegħu kien salvat tajjeb minn Jake Galea.
Fl-ewwel azzjoni denja, it-tim Malti fetaħ l-iskor fit-12-il minuta. Kien free-kick ta’ Jurgen Degabriele indirizzat lejn MATTHEW GUILLAUMIER li għeleb lil Balasz b’daqqa ta’ ras preċiża. Kyrian Nwoko ħoloq ċans sitt minuti wara b’xutt minn tarf il-kaxxa iżda t-tentattiv fil-baxx tiegħu spiċċa barra. L-Ungerija wieġbet bi kross ta’ Varga lejn l-iżmarkat Zsoter li falla l-mira.
Wara li kienu ftit superjuri territorjalment, l-Ungerija ġabet id-draw fil-51 minuta. Kien korner ta’ Zsoter, ATTILA SZALAI għola fuq kulħadd u għeleb b’daqqa ta’ ras lil Jake Galea, li ma seta’ jagħmel xejn fl-okkażjoni. Dan il-gowl ma naqqas xejn mid-determinazzjoni tal-plejers Maltin, tant li tliet minuti wara Kyrian Nwoko u Jurgen Degabriele pruvaw kombinazzjoni ma’ Myles Beerman, iżda xxuttja ħażin minn tarf il-kaxxa.
Dan kien sinjal li t-tim Malti baqa’ konċentrat u saħansitra ż-żgħażagħ Maltin setgħu marru minn fuq fis-57 minuta, b’Nwoko u Degabriele jerġgħu jikkombinaw flimkien din id-darba lejn Dunstan Vella, iżda x-xutt tiegħu kien ċentrali wisq u ġie salvat mill-gowlkiper avversarju.
Ċans ieħor għal Nikolai Muscat fit-82 minuta bix-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa jispiċċa barra. Kien fid-90 minuta li Malta skorjat il-gowl tar-rebħa. Jurgen Degabriele għadda passaġġ preċiż lejn MYLES BEERMAN li kkontrolla b’mod brillanti u għeleb lill-gowlkiper Balasz b’xutt eċċellenti.
//= $special ?>