Internazzjonali

Il-Ġermanja: Id-destin tas-CSU f’elezzjoni kruċjali għandu jirrifletti fuq Merkel

L-elezzjonijiet reġjonali li qed isiru fil-Ġermanja fi tmiem il-ġimgħa kapaċi jirriżultaw f’aktar ‘aħbarijiet ħżiena u intoppi’ għall-Kanċillier Angela Merkel u l-Gvern ta’ koalizzjoni li qed jidher dejjem aktar fraġli.

Il-Partit CSU tal-Bavarja, bħala s-sieħeb tal-Partit CDU ( Demokristjan) ta’ Merkel, qed jikkuntesta l-vot tal-Ħadd, fost l-inkwiet li jista’ jitlef il-maġġoranza assoluta tiegħu b’riżultat taż-żieda fl-appoġġ għall-entitajiet populisti u s-sentiment ġenerali ta’ kontra l-Gvern.

Is-CDU u s-CSU darba kienu alleati sodi, iżda battibekk jaħraq – u pubbliku – bejniethom dwar il-politika għall-immigrazzjoni ħalla l-effett fuq din l-isħubija, fl-aħħar xhur. Fil-fatt, is-sitwazzjoni kienet kważi wasslet għall-kroll tal-koalizzjoni matul is-sajf.

Is-CSU ma żammx lura milli jikkritika l-politika ta’ Merkel li tiffavorixxi d-dħul ta’ aktar immigranti fil-Ġermanja. L-istess partit hu anki preokkupat li jista’ jitlef aktar appoġġ ‘qalb il-fortizza tiegħu’ lill-Partit estremista tal-lemin AFD (Alternattiva għall-Ġermanja) li qed jippromwovi politika kontra l-immigrazzjoni. L-istess AFD kien kiseb riżultati tajbin fl-elezzjoni federali ta’ Ottubru li għadda.

Sadanittant – u minbarra li hemm fin-nofs il-futur politiku tal-Bavarja – il-Gvern tal-Ġermanja jista’ ikompli jiddgħajjef bil-vot tal-Ħadd jekk kemm-il darba jmur ħażin il-Partit CSU u f’każ li l-Kap, Horst Seehofer – li hu l-Ministru għall-Intern Ġermaniż – jeħel mal-partitarji għad-disfatta.

B’hekk wieħed jista’ jgħid li l-vot fil-Ġermanja għandu jitqies bħala referendum dwar il-Gvern ta’ koalizzjoni u dwar Angela Merkel innfisha.
Xi osservaturi jemmnu li s-CSU se jispiċċa jitlef il-maġġoranza assoluta ‘tradizzjonali’ fil-Bavarja u li dan għandu jħalli wkoll impatt għat-tmexxija tal-partit.

Il-Bavarja hi importanti bħala barometru elettorali peress li hi l-akbar u l-aktar Stat sinjur fil-Ġermanja. Hemmhekk jgħixu mas-sitttax fil-mija tal-poplu Ġermaniż, bl-Istat jagħmel tajjeb għal madwar 18 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) tal-pajjiż.