Internazzjonali

Illum it-tieġ ta’ bint il-Prinċep Andrew

Il-Prinċipessa Eugenie (xellug) ma' missierha l-Prinċip Andrew

Fil-kappella ta’ Windsor Castle, illum se jsir it-tieġ tal-Prinċipessa Eugenie, bint il-Prinċep Andrew u martu Sarah, id-Dukessa ta’ York, ma’ Jack Brooksbank .

Dan it-tieġ qed isir b’anqas pompa minn dak tal-Prinċep Harry, it-tifel tal-Prinċep Karlu u l-Prinċipessa Diana, li sar f’Mejju li għadda.

Dan peress li hi d-disa’ fil-lista tal-eredi għat-tronn Ingliż u għalhekk għandha rwol minuri fil-monarkija Ingliża. Il-Prinċep Harry hu s-sitt wieħed. Dan peress li l-ewwel hemm missieru, il-Prinċep Karlu, u mbagħad ħuh, il-Prinċep William, u t-tlett itfal tiegħu, George, Charlotte u Louis, qabel Eugenie li għandha 28 sena.

Fost il-pageboys u l-bridesmaids se jkun hemm il-Prinċep George u l-Prinċipessa Charlotte flimkien mat-tifla tal-kantant Robbie Williams, Theodora.

Eugenie iltaqgħet ma’ Brooksbank seba’ snin ilu waqt btala f’Verbier, l-Iżvizzera. Hija għandha oħtha Beatrice. Il-ġenituri kienu ddivorzjaw meta Eugenie kellha sitt snin, imma baqgħu qrib xulxin bħala familja. Eugenie kienet twieldet bil-marda tal-iscoliosis u għandha xi msiemer tal-azzar fis-sinsla ta’ daharha.