Mijiet ta’ qraba, ħbieb u kollegi tal-ġurnalista maqtula, Viktoria Marinova, attendew għall-funeral tagħha li sar fil-belt ta’ Ruse, fil-Bulgarija. Dan wara li l-Pulizija Ġermaniża ħabbret li raġel suspettat ‘ammetta li kien attakka lil Marinova’.
Intant, in-nies li mlew il-katidral fejn sar il-funeral sellmu għall-aħħar darba lill-ġurnalista Bulgara ta’ 30 sena li l-katavru tagħha nstab ġimgħa ilu ġo park viċin ix-Xmara Danubju.
Il-prosekuturi Bulgari identifikaw lill-imsemmi suspettat bħala Severin Krassimirov, ta’ 21 sena, li qed ikun akkużat fl-assenza tiegħu dwar il-qtil u l-istupru tal-ġurnalista.
Il-Bulgarija qed tinsisti għall-estradizzjoni tas-suspettat – li nżamm fuq mandat ta’ arrest internazzjonali – mill-Ġermanja, bil-prosekuturi Ġermaniżi jgħidu li Krassimirov qal ‘li ma kellux l-intenzjoni li joqtol lil Marinova’ waqt li ċaħad li kien seraqha u stupraha.
Ingħad li s-suspettat ammetta li kien taħt l-influwenza tax-xorb u d-droga meta daħal f’argument ma’ mara li ma kienx jaf waqt li kien fil-park. Is-suspettat irrakkonta li hu ‘kien ta daqqa f’wiċċ il-mara u tefagħha qalb ix-xtieli, iżda ma kellux ħsieb li joqtolha’. Il-prosekuturi, intant, qalu li Krassimirov se jkun estradit fi żmien għaxart ijiem oħra.
Marinova, ix-xahar li għadda, kienet ippreżentat programm li kien jinvolvi żewġ ġurnalisti investigattivi li kienu nżammu arrestati għall-ħidma tagħhom rigward suspettata frodi relatata għal fondi tal-Unjoni Ewropea.
Waqt li Marinova ma dehritx li kienet involuta sew fl-investigazzjoni dwar il-frodi, il-programm tagħha kien qed jitratta l-korruzzjoni li hu suġġett ferm sensittiv fil-Bulgarija. Dan fost spekulazzjoni li hi spiċċat ‘mira ta’ xi ħadd’ dwar xogħolha bħala ġurnalista.
Il-Ministru Bulgaru għall-Intern, Mladen Marinov, qal li l-investigaturi kellmu lill-qraba u ħbieb ta’ Marinova u li dawn ‘ma sabux rabta ovvja bejn ir-reat u l-ħidma ġurnalistika tagħha’, anki jekk huma ‘qegħdin jevalwaw kwalunkwe possibbiltà fiċ-ċirkustanzi’.
//= $special ?>

