Illum kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vince Muscat, it-tliet persuni akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia, dehru quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Fl-awla kien hemm preżenti l-ġenituri u membri mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Id-Deputat Kummisarju Farrugia u s-Surġent Ingroll mit-taqsima Forensika tal-Puliza, fix-xhieda tagħhom qalu li dakinhar tal-arresti, fl-4 ta’ Diċembru, marru għat-tfittxija f’appartament f’San Pawl flimkien ma’ Senior Specialist tal-Interpol. Wara diversi sigħat ġew elevati numru ta’ oġġetti u kampjuni tad-DNA minn fuq dawn l-oġġetti.
Fost l-oġġetti ppreżentati fil-Qorti kien hemm numru ta’ rapporti b’evidenza fotografika minn ġol-flat kif ukoll numru ta’ affdavids tal-Pulizija li nstabu fil-kamra tas-sodda. Instab ukoll plastic case ta’ switch gear li nstab fil-cupboard tal-kċina u żewġ kampjuni tas-CO2 vojta f’bott f’kamra tas-sodda fl-istess appartament.
Is-Surġenti Parnis u Gatt flimkien ma’ żewġ uffiċjali tal-Interpol, dakinhar tal-arrest għamlu tftittxija fl-uffiċċju tal-GO Mobile fil-Marsa, f’vettura, u f’residenza f’Ħaż-Żabbar u Marsaskala.
Huma ppreżentaw ukoll karti tal-GO b’aktar minn 30 simcard kif ukoll diversi linji tal-mobiles li nstabu minn tfittxijiet oħra.
Il-kawża kienet aġġornata għall-Ħamis 25 ta’ Ottubru.
//= $special ?>