Internazzjonali

L-Arċisqof Romero u l-Papa Pawlu VI se jkunu ddikjarati qaddisin nhar il-Ħadd

Pope Francis has cleared the way for the canonizations of Blesseds Paul VI and Oscar Romero. They are pictured in undated combination photos. (CNS photos/files/Octavio Duran) See POPE-SAINTS-CAUSES March 7, 2018.

Il-Papa Franġisku, nhar il-Ħadd, se jikkonferma l-qdusija tal-mibki Arċisqof Oscar Romero tal-El Salvador li kien inqatel, fl-1980, minn skwadra ta’ assassini tal-lemin. L-Istat tal-qdusija, intant, se jkun ikkonfermat ukoll għall-Papa Pawlu VI li kien miet fl-1978.

Id-devoti minn madwar id-dinja mistennija jmorru fi Pjazza San Pietru ta’ Ruma biex iroddu ġieħ lil dawn iż-żewġ pilastri tal-fidi Kattolika li wrew qlubija kbira fi żmenijiet ta’ taqlib, filwaqt li ma żammew lura qatt milli jiddedikaw ruħhom lill-foqra u lill-ħarsien tal-ġustizzja soċjali.
L-Arċisqof Romero u l-Papa Pawlu VI se jkunu dikjarati qaddisin flimkien ma’ ħamsa oħra, li jinkludu soru mill-Ġermanja u żgħażugħ Taljan li kien miet mill-kanċer fl-għadam fl-età ta’ 19-il sena.

Iċ-ċerimonji tal-kanonizzazzjoni qed isiru jiem biss qabel il-Jum Internazzjonali Iddedikat għall-Qerda tal-Faqar li se jkun iċċelebrat fis-17 ta’ Ottubru.

L-Arċisqof Oscar Romero minn dejjem kien bniedem umli u qrib il-foqra iżda l-estremisti tal-lemin f’El Salvador kienu ħaduha kontrih bħala ‘sostenitur radikali tat-teoloġija għal-liberazzjoni’.

Romero kien spiċċa maqtul minn skwadra ta’ estremisti armati li sparawlu f’qalbu waqt li hu kien qed jiċċelebra l-quddiesa f’El Salvador. L-atroċità kienet seħħet fil-bidu tal-gwerra ċivili f’dak il-pajjiż li swiet il-ħajja ta’ 75,000 persuna.

L-isforzi lejn il-qdusija ta’ Romero kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ oppożizzjoni min-naħa ta’ Kattoliċi konservattivi u elementi tal-lemin f’El Salvador li kienu jirreferu għall-‘messaġġi Marxisti’ fid-diskorsi tal-Arċisqof favur il-foqra u kontra l-politika ripressiva tal-Gvern.
Madankollu, il-Papa Franġisku bbeatifika lil Romero bħala martri fl-2015 fost l-approvazzjoni popolari. Dan wara li l-Kap tal-Knisja ta’ qabel, Benedittu XVI, kien ippromwova l-kawża għall-kanonizzazzjoni ta’ Romero.

Sadattant, il-Papa Pawlu VI – li kien l-ewwel Kap tal-Kattoliċi li pprova jirriforma l-kurja b’saħħitha fil-Vatikan u li organizza l-udjenzi ġenerali (ta’ kull ġimgħa) man-nies fi Pjazza San Pietru – kien jappoġġja lil Romero. Hu kien qal lill-arċisqof, waqt laqgħa fl-1978, biex ‘ikompli jaħdem bil-kuraġġ għad-difiża tad-drittijiet umani f’El Salvador.’

L-istess Papa Pawlu VI – li kien jismu Giovanni Battista Montini u li kien elett fit-tmexxija tal-knisja fl-1963 – kellu jiffaċċja perjodu diffiċli meta l-Knisja Kattolika tilfet lil ħafna devoti fost is-sensiela ta’ rewwixti populisti li kienu ddominaw il-Punent f’dik l-era.

Iċ-ċerimonja tal-Ħadd fi Pjazza San Pietru qed issir fl-istess żmien ta’ laqgħa għall-isqfijiet tad-dinja u meta kien ukoll il-Papa Pawlu VI li introduċa t-tradizzjoni ta’ dawn is-Sinodi.