Lokali Qorti

Owen Bonnici jagħtihom il-‘warrant’ minn wara dahar il-Kamra tal-Avukati

'Warrant' mogħti lil Yanica Barbara u Thomas Sant wara li kien inżammilhom

Il-Ministru Owen Bonnici, f’ċerimonja li saret fil-jiem li għaddew, ta l-warrant ta’ avukati lil Yanica Barbara u lil Thomas Sant, li ma ingħatawx il-warrant mal-kollegi tagħhom wara li l-eks Prim Imħallef Silvio Camilleri kien oġġezzjona minħabba li fil-passat huma kienu nstabu ħatja fuq serq u dokumenti foloz.

Dwar il-ħatra tagħhom kienet tqajmet oġġezzjoni wkoll mill-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler li wkoll kien sab diffikultà minħabba li huma kienu ġew illiberati mill-akkużi b’kundizzjoni.

Issa f’ċerimonja li saret aktar kmieni din il-ġimgħa, Yanica Barbara u Thomas Sant ingħataw il-warrant mill-Ministru Owen Bonnici, liema ċeremonja saret minn wara dahar il-Kamra tal-Avukati, li anqas biss kienet mistiedna għal din l-okkażjoni.

Mhux magħruf x’wassal lill-Ministru Bonnici biex jagħmel din il-manuvra minn wara dahar il-Kamra tal-Avukati, li nifhmu li hi urtata għal dan il-ġest xejn sabiħ mill-Ministru tal-Ġustizzja.

Ta’ min jgħid li meta ftit xhur ilu din il-kwistjoni kienet tqajmet fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kien iddikjara li l-membri kollha tal-Ġudikatura, iġifieri l-Imħallfin u l-Maġistrati, kienu favur li l-Avukati Yanica Barbara u Thomas Sant jingħataw il-warrant.

Hu kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina dwar il-każ li qajjem kontroversja wara li l-Kamra tal-Avukati oġġezzjonat li jingħataw il-warrant.

Yanica Barbara ta’ 28 minn Ħ’Attard u Thomas Sant ta’ 30 sena minn Ħal Qormi kienu ggradwaw bħala Avukati wara li temmew b’suċċess il-kors fil-Liġi u anke għaddew mill-eżami li jsir minn żewġ imħallfin kull wieħed.

Fil-fatt, l-Imħallfin Jacqueline Padovani Grima, Wenzu Mintoff, Antonio Mizzi u Joseph Micallef approvawhom biex isiru Avukati.

Madankollu, kemm l-eks Prim Imħallef Silvio Camilleri, kif ukoll il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler, oġġezzjonaw minħabba li fil-passat kienu nstabu ħatja fuq serq u dokumenti foloz u ġew illiberati b’kundizzjoni.

Dan wassal biex il-Ministru Bonnici ma kienx ħareġ l-istedina għall-għoti tal-warrants liż-żewġ Avukati bit-tama li jinstab żblokk għall-kwistjoni.

Kien biss fil-jiem li għaddew li saret din iċ-ċerimonja sinfikattiva – iżda minn wara dahar il-Kamra tal-Avukati – biex iż-żewġ żgħażagħ ingħataw il-warrant tant mistenni minnhom.