Kontinġent ta’ 27 parteċipant, bejn ċiklisti u tim ta’ sapport, temmew b’suċċess id-19-il edizzjoni tal-Foster Clark LifeCycle Challenge, meqjusa bħala l-akbar u l-aktar sfida diffiċli fl-istorja. L-isfida ta’ din is-sena ħadet liċ-ċiklisti fuq qadfa bir-rota minn Abu Dhabi, fl-Emirati Arab, għal Salalah, fin-nofsinhar tal-Oman, b’uħud mill-vjaġġi itwal minn 200 kilometru.
Mar-ritorn tagħhom fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn titjira minn Dubai l-Ġimgħa waranofsinhar, evidenti kien is-sodisfazzjon taċ-ċiklisti, li bil-qadfa tagħhom għenu lil min hu inqas ixxurtjat, u l-ferħ tal-familjari għar-ritorn.
Shirley Cefai, Chairperson tal-LifeCycle Foundation, tkellmet magħna dwar x’affaċjaw iċ-ċiklisti fl-10 ijiem ta’ vjaġġi kontinwi fuq toroq fid-deżert, madwar muntanji u għoljiet b’ħafna tlajja u nżul fi sħana qawwija. Hi tkellmet dwar kif ta’ kuljum ħassewhom pjuttost eżawriti, iżda l-kuraġġ, id-dedikazzjoni u l-ħsieb li qed jgħinu kawża nobbli, żammew liċ-ċiklisti iffukati biex jaslu sad-destinazzjoni finali.l
L-isfida imtella’ mill-istess fondazzjoni s’issa ġabret ftit anqas minn €150,000 biex bihom, il-Fondazzjoni tqajjem aktar kuxjenza dwar il-mard tal-kliewi, il-kura aħjar għall-pazjenti u u tkompli issostni r-riċerka fil-problemi tal-kliewi.
Wieħed jista’ jagħti s-sehem tiegħu f’din il-kawża billi jagħti donazzjonijiet b’telefonata, b’sms, bank transfer jew fuq is-sit www.lifecyclechallenge.com
//= $special ?>