Ġimgħatejn wara maltempata qalila li ħakmet lil Malta u kkawżat ħsarat konsiderevoli, is-slielem minn diversi bajjiet li tkaxkru fil-baħar baqgħu fil-qiegħ tal-bajjiet.
Dan bil-konsegwenza mhux biss ta’ tniġġis tal-baħar, imma wkoll li qed issir iktar ħsara lil dawn is-slielem, li skont stimi ppreżentati fil-Parlament ħareġ li se jiswew mal-€35,000. Hemm ukoll periklu għall-għawwiema, hekk kif il-filmati jixhdu li ħafna minn dawn jinsabu f’baħar baxx.
Kien is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista li fil-bidu tax-xahar qal li l-ħsara, speċjalment fit-Tramuntana tal-pajjiż bħal fl-Għadira u San Pawl il-Baħar, tikkonsisti fost oħrajn f’120 sellum tal-bajjiet li tkaxkar fil-baħar flimkien ma’ apparat ieħor fosthom passaġġi tal-injam.
Dakinhar, l-istess Deo Debattista qal li se jsir tentattiv biex dawn jittellgħu mill-baħar u jissewwew, xi ħaġa li baqgħet ma saritx, kif jixhdu filmati li waslu għand dan l-istazzjon.
Il-filmati juru wkoll kif qiegħ il-baħar għadu mimli bi bċejjeċ ta’ materjal differenti li tkaxkar fil-baħar.
Din il-ħsara kienet prevista, anke għaliex fil-Parlament is-sena li għaddiet intqal li fl-2016 kienet saret spiża ta’ €25,000 fuq 100 sellum li kien tkaxkar fil-baħar u li ħafna minnhom kellhom isiru mill-ġdid wara maltempata li kienet seħħet f’Ottubru.
//= $special ?>
