Ewropa Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Zammit Dimech iressaq it-tħassib tad-Dijabetiċi Maltin mal-Kummissarju Ewropew

Laqgħa bejn l-MEP Francis Zammit Dimech u l-Kummissarju għas-Saħħa Vytenis Andriukaitis

“Id-dijabeté hi sfida ta’ prijorità ewlenija li għaliha hemm bżonn aktar riċerka. L-għarfien ġdid bżonnjuż biex jiġġieled din il-marda jista’ jinkiseb biss permezz ta’ aktar fondi. Għandna wkoll nassiguraw li l-pazjenti jirċievu s-servizzi neċessarji u l-appoġġ mhux biss għalihom iżda anke għal qrabathom.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech waqt laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dijabeté fil-Parlament Ewropew fi Brussell.

Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Vytenis Andriukaitis qal li wasal iż-żmien li nifhmu li hemm bżonn nħarsu lejn is-saħħa b’mod ħolistiku, b’azzjonijiet f’kull livell – lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Hu rrimarka li hemm bżonn tingħata aktar attenzjoni lin-nutrizzjoni u l-prevenzjoni b’mod ġenerali. Hu qal li nistgħu niġġieldu d-dijabeté billi nindirizzaw determinanti kummerċjali.Il-Kummissarju tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ pjanijiet fit-tul u politika aktar wiesgħa biex niġġieldu d-dijabeté. Waqt li rrefera għall-Politika Agrikola Komuni, hu enfażizza l-bżonn biex niproduċu prodotti tajbin għas-saħħa.

Zammit Dimech, li jikkopresiedi l-Grupp ta’ Ħidma tal-UE dwar id-Dijabeté, matul l-aħħar sena, għamel ħames appelli lill-Gvern Malti dwar id-dijabeté. Dawn huma:
1. Biex jiprovdi Continuous Glucose Monitors b’xejn
2. Biex jiprovdi labar tal-4mm għat-tfal b’xejn
3. Biex jiprovdi labar għad-dijabetiċi jinkludu lancet device b’xejn
4. Biex f’Għawdex ikun hemm infermiera dwar id-dijabeté disponibbli għall-pazjenti
5. Biex iwaqqaf Kumitat Parlamentari dwar id-Dijabeté

Zammit Dimech qal li filwaqt li d-dijabeté toħloq it-tbatija għaliex twassal għall-għama u l-insuffiċjenza tal-kliewi, mhix qed tingħata biżżejjed attenzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa. Hu kruċjali li l-pazjenti u l-qraba jingħataw l-appoġġ, speċjalment għaliex id-dijabeté tikkontribwixxi għal anqas kwalità tal-ħajja u t-telf tal-kapaċità li wieħed jaħdem. Zammit Dimech fakkar ukoll kif id-direttiva dwar is-servizzi awdjoviżivi tal-media tintroduċi regoli aktar stretti dwar ir-reklamar waqt programmi tat-tfal, li jinkludu t-tnaqqis ta’ reklami dwar ikel u xorb ħażin għas-saħħa. Hu qal li dan hu kruċjali biex niprevjenu d-dijabeté minn età żgħira.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll Chris Delicata, mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabeté u Chairman tal-Koalizzjoni Ewropea dwar id-Dijabeté, li qal “Matul is-snin, saru diversi dikjarazzjonijiet u riżoluzzjonijiet. Il-messaġġ dejjem kien konsistenti li jiffoka fuq sejħa b’saħħitha biex inpoġġu d-dijabeté bħala prijorità tal-aġenda tas-saħħa tal-UE. Issa wasal iż-żmien li naġixxu u nressqu ‘l quddiem azzjoni konkreta li tassigura stil ta’ ħajja aħjar għall-persuni bid-dijabeté.”

Jack Delicata qasam l-esperjenza bħala pazjent. “Hu ta’ inkoraġġiment meta wieħed jisma’ dak li qed isir biex il-ħajja ta’ min għandu d-dijabeté tkun aktar faċli – dan jinkludi l-introduzzjoni tal-continuous glucose monitors. Kultant, l-ispiża tkun problema għal ħafna nies, u għalhekk l-appoġġ tal-gvernijiet nazzjonali biex jiprovdu l-apparat b’xejn, ikun vitali. Bħala persuna bid-dijabeté, nemmen li jekk gvernijiet jinvestu f’apparat modern u jiprovdu insulini ġodda u medikazzjoni oħra orali, l-ħajja titjieb u jkun hemm anqas kumplikazzjonijiet u spejjeż fl-isptarijiet.”

Skont il-Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabeté, kważi 1 minn kull 10 persuni fl-Ewropa għandhom id-dijabeté, li jammontaw għal madwar 60 miljun persuna. Hu stmat li hemm 22 miljun każ li mhumiex dijanjostikati fl-Ewropa. Sal-2045, in-numru ta’ nies bid-dijabeté mistenni jiżdied għal 81 miljun.

Biex ifakkar il-Jum Dinji tad-Dijabeté, ix-xahar id-dieħel, l-MEP Francis Zammit Dimech se jorganizza attività ta’ ġimgħa u dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.