Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara ta’ wirja tal-karozzi klassiċi fil-foss tal-Imdina qal li l-Gvern hemm bżonn li jagħmel investment ikbar sabiex id-dilettanti tal-motorosports ikollhom fejn igawdu d-delizzju tagħhom.
Fil-wirja li issa daħlet fil-11-il sena tagħha hemm 67 karozza, bl-eqdem waħda tkun Bugatti T35 tal-1924. Karozzi oħra li hemm eżibiti jinkludi mudelli tat-tip Ferrari, Porsche, Austin, Rover, MG, Bentley, Datsun, Honda, Triumph, FIAT u Mercedes.
Kull karozza fil-wirja għandha l-istorja partikulari tagħha. Waħda tat-tip Ferrari u li hija l-unika waħda eżistenti tal-istess mudell kienet instaqet f’tellieqa fl-1969 biex eżatt wara t-tellieqa nsterqet u kien biss madwar sena ilu li din reġgħet instabet magħluqa f’garaxx u nxtrat mis-sewwieq oriġinali tagħha.
Tul din iż-żjara Adrian Delia kellu wkoll l-opportunita’ li jirkeb u jdur dawra f’waħda mill-karozzi klassiċi eżibiti f’din il-wirja.
Għal din iz-zjara Adrian Delia kien akkumpannjat mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius u mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.
//= $special ?>