Futbol Sport

FILMAT: Żewġ bidliet fid-difiża Maltija għal kontra l-Ażerbajġan

Il-kowċ Farrugia għadu jrid jiddeċiedi min se jilgħab fl-attakk, fin-nuqqas ta’ Mifsud

Christian Micallef jirrapporta minn Baku, l-Ażerbajġan bl-appoġġ ta’ JetFreight Limited

Prudenza massima mill-kowċ nazzjonali Malti Ray Farrugia qabel il-partita tal-lejla kontra l-Ażerbajġan. Konxju mill-kritika li saret fl-aħħar jiem mill-pubbliku sportiv Malti, partikolarment wara t-telfa ta’ nhar il-Ħamis li għadda kontra l-Kosovo, Farrugia saħaq li kontra l-iskwadra ta’ Gurban Gurbanov se tkun partita diffiċli.

“M’hemmx dubju li kontra l-Ażerbajġan se tkun diffiċli, speċjalment għaliex dawn ġejjin minn rebħa tajba kontra l-Gżejjer Faroe filwaqt li aħna ġejjin minn 90 minuta diffiċli u li fihom ħriġna telliefa kontra l-Kosovo,” qal Farrugia, fl-ewwel kummenti tiegħu fil-preżenza tal-media lokali u internazzjonali.

Għall-konfront tal-lum, Farrugia mistenni jwettaq tal-anqas tliet bidliet mill-formazzjoni li beda biha kontra l-Kosovo. Se jkunu qed jirritornaw żgur fid-difiża l-plejers ta’ Valletta, Ryan Camilleri u Joseph Zerafa. Camilleri kien tħalla barra għaliex kien imweġġa’ kontra l-Kosovo, u minflok beda l-Għawdxi ta’ Victoria Hotspurs, Ferdinando Apap. Fil-każ ta’ Zerafa, dan kien sospiż u issa jista’ jilgħab u se jkun qed jieħu post Clayton Failla.

Sa qabel u anke wara s-sessjoni ta’ taħriġ tal-bieraħ filgħaxija, Farrugia kien għadu qed jiddeċiedi dwar min se jieħu post il-captain Michael Mifsud li llejla se jkun sospiż wara li tkeċċa kontra l-Kosovo. L-għażla awtomatika taf tkun Jean Paul Farrugia jew Alfred Effiong iżda jeżistu possibilbtajiet oħra. Farrugia qed jikkonsidra l-alternattiva li jibda b’Roderick Briffa jew b’Jake Grech, filwaqt li Juan Corbalan mistenni jżomm postu mal-ewwel ħdax, wara li dan iddebutta ma’ Malta kontra l-Kosovo.

Tkun xi tkun l-għażla finali ta’ Farrugia, André Schembri se jkun fil-formazzjoni inizjali iżda għadu mhux magħruf f’liema pożizzjoni, jekk hux bħala l-punta tat-tim f’sistema ta’ 5-4-1, jew jieħu post Mifsud u allura jilgħab wara l-attakkant tat-tim.

F’konferenza stampa separata, tkellem ukoll Gurban Gurbanov, il-kowċ tal-Ażerbajġan, li hu ukoll il-kowċ taċ-champions tal-lokal, Qarabağ. Hu tkellem fil-pożittiv dwar Malta u saħaq li t-tim qed jilgħab tajjeb u esprima d-diżappunt tiegħu lejn il-fatt li għal dan il-konfront mhux se jkun qed jilgħab Mifsud għaliex se jkun sospiż.

Filwaqt li tenna li Malta hu avversarju diffiċli, għaliex aktar hu moħħu biex jiddefendi milli biex jattakka, Gurbanov għamilha ċara li l-plejers tiegħu se jkunu qed ifittxu t-tliet punti minn dan id-dwell partikolarment wara d-draw ta’ xahar ilu f’Ta’ Qali kontra Malta.