Lokali

Iktar inkwiet bejn l-Air Malta u l-bdoti

Minkejja li kien iffirmat ftehim kollettiv iktar kmieni din is-sena, jidher qed jerġa’ jberraq bejn l-Air Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Piloti l-ALPA.

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li għamlet rikors sabiex il-Qorti toħroġ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-ALPA li iktar kmieni din il-ġimgħa irreġistrat tilwima industrijali.

L-Air Malta qalet li ż-żewġ naħat kienu qed jiddiskutu l-interpretazzjoni ta’ diversi partijiet tal-ftehim kollettiv u saħqet li l-interpretazzjoni li qed tagħmel il-Assoċjazzjoni tal-Piloti hi ta’ żvantaġġ u inġusta fil-konfront tal-Air Malta.

L-istqarrija tkompli li matul dawn l-aħħar xhur l-ALPA ħarġet numru ta’ rakkomandazzjonijiet lill-membri tagħha li jillimitaw il-flessibilita’ u l-produttivita’  tant li kkaġunat diversi dewmien fuq numru ta’ titjiriet. F’każ minnhom ix-xahar li għadda, l-Air Malta kellha saħansitra tħassar titjira lejn Orly minħabba dik li qed issejjaħ bħala inflessibilita’ fl-istruzzjonijiet tal-ALPA lill-membri tagħha biex ma’ jaċċettawx titjiriet fil-ġurnata off meta l-piloti standby jkunu fuq sick leave.

L-istqarrija ttemm li l-Air Malta kellha tieħu passi legali minħabba li l-ALPA ma’ rrikorietx għall-proċeduri ta’ konċiljazzjoni u arbitraġġ kif imfisser fil-ftehim kollettiv.

 

L-ALPA twieġeb

Sadanittant, fi tweġiba, l-Assoċjazzjoni tal-Piloti qalet li kuntrarju għal dak li ntqal fl-istqarrija tal-Air Malta, il-kwistjoni industrijali hi marbuta ma’ sospensjoni diskriminatorja ta’ pilota, rosters deskritti bħala “illegali” li jgħajjew il-piloti iktar mill-livelli permessi u l-fatt li l-Air Malta m’għandhiex biżżejjed piloti biex tiggarantixxi l-minimu ta’ 104 ġranet off fis-sena.

L-ALPA qalet li dan kollu jirriżulta mid-dokumenti fil-Qorti u għaldaqstant ma tistax tifhem għaliex l-Air Malta ħarġet dik l-istqarrija falza, ittemm l-istqarrija tal-Assoċjazzjoni.