Lokali

Il-Gvern għandu jtejjeb il-qagħda tal-mara bil-fatti

Il-wegħdiet fiergħa tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jkollu l-aktar Gvern femminista fl-istorja ta’ pajjiżna fallew.  Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-kelliema tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg, kelliema dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin.  Dan il-falliment ħareġ bl-aktar mod ċar fi studju xjentifiku u estensiv li ghamel l-Istitut Ewropew tal-Ugwaljanza tal-Ġeneru. Skont dan l-istudju, Malta mhux talli mhix l-aqwa fl-Ewropa, talli tinsab fil-15-il post minn 28 pajjiż.

L-ikbar daqqa’ ta’ ħarta għall-mara Maltija tibqa’ d-differenza kbira fil-pagi. Illum fl-2018, mara li tagħmel l-istess xogħol bħal raġel, taqla’ 15% inqas paga. Dan ifisser li meta ragel jieħu €100 d-dar, għall-istess xogħol mara tieħu €85. Din hija diskriminazzjoni ċara kontra l-mara u li għaliha huwa responsabbli l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota t-titjib fis-saħħa tal-mara u jilqa’ dan it-titjib b’sodisfazzjon. Il-Partit Nazzjonalista jappella lil Gvern sabiex fil-baġit li ġej juri bil-fatti u mhux bil-paroli biss li se jtejjeb il-qagħda tal-mara Maltija.