Lokali

Il-Gvern ma jikkonsultax lill-Oppożizzjoni dwar materji ta’ importanza soċjali

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern se joħloq mekkaniżmu biex persuni vulnerabbli, l-aktar nisa, jkollhom programm sabiex joħorġu miċ-ċirku tal-prostituzzjoni. Madankollu l-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ stqarrija maħruġa minn Claudette Buttigieg, kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin u minn Karol Aquilina, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, iċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi juri d-dispjaċir tiegħu li dwar suġġett daqshekk ta’ importanza soċjali l-Gvern reġa’ ma kkonsultax mal-Oppożizzjoni.

L-istqarrija tkompli tgħid li “exit programme” fil-qasam tal-prostituzzjoni għandu jkun wieħed realistiku u sostenibbli. Il-perikli li jaffaċjaw persuni vulnerabbli fil-prostituzzjoni għandha tkun il-prijorità ta’ dan il-programm essenzjali. L-Oppożizzjoni tinsab lesta li tagħti l-kontribut tagħha f’din ir-riforma li dwarha għandu jkun hemm pjan fit-tul f’qafas ferm akbar li jipproteġi l-persuni vulnerabbli l-ewwel u qabel kollox, u li jgħin biex jinqabad u jitressaq quddiem il-ġustizzja min jisfruttahom.