Ambjent Lokali

Il-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ jippreżenta ‘policy paper’ dwar l-iżvilupp sostenibbli

Fl-2015, pajjiżi tan-Nazzjonijiet Uniti adottaw l-Aġenda 2030 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli mniedi minn din l-organizzazzjoni. Din l-aġenda telenka 17-il mira dwar żvilupp sostenibbli li l-pajjiżi għandhom jilħqu.

Dalgħodu fil-Palazz ta’ San Anton, il-Kunsill Nazzjnali taż-Żgħażagħ (KNŻ) ippreżenta Policy Paper dwar l-iżvilupp sostenibbli f’pajjiżna u li jinkludi rakkomandazzjonijiet taż-żgħażagħ fid-diversi oqsma.

Dan id-dokument, li beda jiġi żviluppat sena w nofs ilu, hu r-riżultat ta’ workshops li saru mill-KNZ u li fihom kienu nvoluti żgħażagħ minn setturi diversi. Id-dokument jitratta l-oqsma differenti tal-iżvilupp sostenibbli, minbarra dawk li normalment nitkellmu dwarhom, fosthom il-faqar f’Malta, l-edukazzjoni u t-tibdil fil-klima.

Fid-dokument hemm ukoll appell għal aktar inizjattivi li jgħinu liċ-ciklisti u li jippromwovu l-mixi bħala mezzi alternattivi ta’ trasport, kif ukoll rakkomandazzjonijiet dwar il-ġbir tal-ilma tax-xita u inizjattivi ambjentali oħra.

Il-KNŻ spjega kif dan id-dokument hu bbażat fuq studji xjentifiċi u jinkludu r-rakkomandazzjonijiet fid-diversi oqsma msemmija. Spjega wkoll kif il-kwalità tal-ħajja tal-bniedem hi bbażata fuq id-diversi fatturi msemmija u li permezz tal-Policy Paper ingħatat vuċi liż-żgħazagħ għall-ħarsien ta’ dak li se jkun l-ambjent tal-futur tagħhom.

Sadanittant, ftit tal-jiem ilu rriżulta li Malta tilfet tmien postijiet fil-klassifika tal-miri għall-Iżvilupp Sostenibbli, kif elenkati min-Nazzjonijiet Uniti.