Il-Pulizija fl-Italja arrestat Ingliż ta’ 58 sena, residenti f’Malta, ftit sigħat biss wara li waal fuq il-gżira ta’ Elba għal vaganza flimkien ma’ martu. Filfatt l-arrest sar fil-lukanda fejn kienu se jqattgħu l-btala tagħhom.
Jirriżulta li r-raġel hu mfittex f’Doha, il-Qatar, iżda ħarab minn dan il-pajjiż u kien hemm bżonn li joħroġ mandat ta’ arrest internazzjonali fil-konfront tiegħu. Madankollu, għal xi raġuni, jidher li l-awtoritajiet f’Malta qatt ma ndunaw li dan kien qed jgħix f’pajjiżna. Għall-kuntrarju, il-Pulizija fl-Italja arrestawh immedjatament.
Mhux magħruf l-isem tar-raġel, għalkemm midja fl-Italja qed tirrapporta li hu ilu mfittex mill-awtoritajiet tal-Qatar sa mill-2014 wara li pproduċa ċekk ta’ $32,877 li ma kienx jissarraf għax ma kellux biżżejjed flus.
Meta bdew proċeduri kontrih, ir-raġel li qed jaffaċċja piena sa massimu ta’ sentejn ħabs ladarba jiġi estradit, hu ħarab mill-pajjiż u xi żmien ilu beda jgħix f’pajjiżna.
L-arrest sar wara kollaborazzjoni ta’ diversi entitajiet tal-Pulizija fl-Italja, bl-appoġġ tal-Interpol u ġie nfurmat ukoll il-Konsolat Ingliż f’Milan. Jingħad li l-arrest kien possibbli wkoll grazzi għal sistema li l-lukandi fl-Italja joperaw, fejn kull resident jiġi rreġistrat immedjatament u notifikati l-awtoritajiet.
Ir-raġel qed jinżamm taħt arrest fil-ħabs ta’ Livorno u mistenni jitressaq il-Qorti biex tittieħed deċiżjoni dwar l-estradizzjoni tiegħu.
//= $special ?>