L-Olanda kisbet l-ewwel punti fil-UEFA Nations League b’rebħa importanti ta’ 3-0 fuq il-Ġermanja b’wirja dinamika u kunfidenti. Għalihom għamlu d-debutt mill-bidu Denzel Dumfried u Steven Bergwijn.
Din kienet l-ewwel rebħa tal-Olanda fuq il-Ġermanja f’16-il sena, bl-Oranje jilagħbu kontra l-leaders tal-grupp u champions tad-dinja Franza t-Tlieta. Din it-telfa poġġiet aktar pressjoni fuq il-kowċ Joachim Löw hekk kif issa l-Ġermanja rebħet biss tliet logħbiet mill-għaxra li lagħbet din is-sena, apparti li kienet eliminata mill-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja.
It-tim ta’ Ronald Koeman fetaħ l-iskor man-nofs siegħa logħob meta minn korner mil-lemin ta’ Memphis Depay, id-daqqa ta’ ras ta’ Ryan Babel ħabtet mal-mimduda u spiċċat fid-direzzjoni tad-difensur Virgil Van Dijk li skorja b’daqqa ta’ ras.
Il-Ġermanja kellha diversi okkażjonijiet ta’ skor iżda naqsu li jiskorjaw biex l-Olanda għalqet il-logħba fis-87 minuta b’Memphis Depay jirċievi kross mil-lemin u għeleb lil Neuer mill-viċin. Hu ssiġillaw ir-rebħa fit-93 minuta b’azzjoni personali ta’ Georginio Wijnaldum, bil-midfielder jegħleb lil Neur b’xutt fil-baxx għar-rokna.
Rebħa importanti wkoll għar-Repubblika Ċeka li rebħet 2-1 barra minn darha kontra s-Slovakkja. Patrik Schick skorja tliet minuti wara li kienu għadu dieħel bħala sostitut hekk kif Jaroslav Šilhavý rebaħ fid-debutt bħala kowċ nazzjonali.
Id-daqqa ta’ ras b’saħħitha ta’ Schick fis-76 minuta ddeċidiet il-konfront wara li Marek Hamsik kien ġab id-draw momenarju biex iċċelebra r-rekord nazzjonali ta’ 108 logħbiet mas-Slovakkja bl-aqwa mod. Hu kien ikkanċella l-gowl ta’ Michael Krmencik fil-bidu tat-tieni taqsima. Dan ir-riżultat ifisser li l-Ukrajna tkun promossa jekk tegħleb lir-Repubblika Ċeka t-Tlieta.
Mill-istess Diviżjoni, l-Irlanda u d-Danimarka spiċċaw fid-draw ta’ 0-0. Dan kien l-ewwel punt għat-tim Irlandiż filwaqt li d-Danimarka tinsab punt fuq Wales fil-quċċata. L-aktar li marru qrib kienu d-Danimarka b’xutt ta’ Pione Sisto li laqat in-naħa ta’ barra tal-lasta. Fuq in-naħa l-oħra, Simon Kjaer kellu daqqa ta’ ras mbiegħda minn fuq il-linja.
Minn Diviżjoni Ċ, il-Bulgarija dawret telfa f’rebħa biex rebħet 2-1 kontra Ċipru u baqgħet punti massimi wara tliet logħbiet. Grigoris Kastanos kien poġġa lil Ċipru minn fuq ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima, iżda ftit qabel is-siegħa logħob, Kiril Despodov irċieva kross ta’ Strahil Popov u skorja daqqa ta’ ras. L-istess Popov serva lil Todor Nedelev li skorja l-gowl tar-rebħa. Għat-tliet plejers, dan kien l-ewwel gowl internazzjonali tagħhom.
Mill-istess grupp, in-Norveġja rebħet 1-0 kontra s-Slovenja. Ole Selnæs ta r-rebħa lin-Norveġiżi b’xutt f’nofs l-arja minn tarf il-kaxxa fil-ħames minuta miżjuda tal-ewwel taqsima.
Georgia jinsabu seba’ punti vantaġġ minn Diviżjoni D Grupp 1 bit-tielet rebħa, u jkunu promossi jekk jirbħu kontra l-Latvja t-Tlieta. Valeri Kazaishvili spikka meta l-ewwel fetaħ l-iskor qabel il-ħin tal-mistrieħ u wara qabbeż fuq Josep Gomes sitt minuti mit-tmiem. L-Andorra kellha lil Marcio Vieira mkeċċi fil-ħin miżjud iżda kien għad fadal ħin biex Jaba Kankava jiskorja t-tielet gowl b’daqqa ta’ ras.
Mill-istess grupp, il-Latvja u l-Kazakhstan spiċċaw fi draw ta’ 1-1 f’konfront bilanċjat f’Riga. Baktiyor Zainutdinov kien fetaħ l-iskor għall-viżitaturi fis-16-il minuta, iżda Artūrs Karašausks ġab id-draw fl-40 minuta.
Minn Grupp 4 tal-aħħar Diviżjoni, il-Maċedonja resqet eqreb lejn il-promozzjoni meta għelbet 4-1 lil Liechtenstein biex fetħet distakk ta’ sitt punti, u tista’ tkun promossa t-Tlieta li ġej. Aleksandar Trajkovski skorja l-ewwel żewġ gowls fl-10 u t-30 minuta wara li rċieva mingħand Goran Pandev, bil-veteran jagħmilhom tlieta fis-36 minuta b’xutt li għadda minn qalb diversi plejers. Kważi immedjatament Seyhan Yildiz sar l-ewwel plejer li skorja kontra l-Maċedonja f’din il-kompetizzjoni iżda Egzijan Alioski għamilhom 4-1 f’nofs it-tieni taqsima.
Wara li tilfu l-ewwel 22 logħba kompetittiva fix-xena internazzjonali, Ġibiltà kisbet l-ewwel rebħa barra minn darha f’logħba uffiċjali, b’rebħa fuq l-Armenja 1-0. Penalty ta’ Joseph Chipolina fil-50 minuta ddeċieda l-konfront wara li Hrayr Mkoyan twaqqa’ minn Lee Casciaro.
Riżultati
Diviżjoni A Grupp 1 – Olanda v Ġermanja 3-0
Diviżjoni B Grupp 1 – Slovakkja v Repubblika Ċeka 1-2
Diviżjoni B Grupp 4 – Irlanda v Danimarka 0-0
Diviżjoni Ċ Grupp 3 – Norveġja v Slovenja 1-0 , Bulgarija v Ċipru 2-1
Diviżjoni D Grupp 1 – Georgia v Andorra 3-0 , Latvja v Kazakhstan 1-1
Diviżjoni D Grupp 4 – Armenja v Ġibiltà 0-1 , Maċedonja v Liechtenstein 4-1
//= $special ?>