Lokali

Protest Ġudizzjarju kontra Ian Borg

Injorati l-bżonnijiet taċ-ċiklisti - BAG

Il-Bicycle Advocacy Group (BAG) il-bieraħ ressqu protest ġudizzjarju kontra l-Ministru Ian Borg u Infrastructure Malta.

L-istess grupp qal li r-raġuni għal dan il-protest huwa sabiex l-awtoritajiet jifhmu li l-infrastruttutra għaċ-ċiklisti jeħtieġ li tittieħed iktar bis-serjeta’.  Huma qalu li minkejja l-ħafna ħin u enerġija li nvestiet l-għaqda waqt diskussjonijiet ma’ Infrastructure Malta, fil-biċċa l-kbira tagħhom ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom ġew għal kollox injorati.  Tant li l-awtoritajiet baqgħu għaddejjin bil-proġett kif maħsub minnhom b’detriment għall-komunita’ taċ-ċiklisti.    Barra minn hekk bid-deċizjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet naqsu milli jinċentivaw bidla fil-ħsieb dwar modi tat-trasport.

Filwaqt li l-BAG jemmnu bis-sħiħ li t-toroq ta’ pajjiżna jeħtieġu t-titjib maħsub sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet ta’ żminijietna, l-investiment ta’ €700 miljun għal dan it-titjib jinjora għal kollox il-potenzjal taċ-ċikliżmu bħala mezz tat-trasport f’Malta.  Huma ġibdu l-attenzjoni wkoll għan-nuqqas ta’ politika nazzjonali dwar iċ-ċikliżmu.

BAG għamlu referenza għall-problemi li żviluppaw bil-proġetti ta’ Triq l-Imdina u  ta’ Triq Buqana, il-Marsa u Santa Luċija.

Huwa għal dawn ir-raġunijiet li l-BAG ħassew li ma kellhomx għażla oħra ħlief li jużaw il-mezzi legali sabiex jenfasizzaw il-punt tagħhom.