Futbol Sport

Salah jirritorna f’Anfield għal testijiet

(Ritratt: EPA)

Mohamed Salah se jirritorna Liverpool wara li ħareġ izappap wara li weġġa’ muskolu waqt logħba tat-tim nazzjonali tal-Eġittu l-Ġimgħa filgħaxija. Salah ħareġ fl-aħħar minuti tar-rebħa ta’ 4-1 li l-Eġittu kellha fuq Swaziland.

Il-Federazzjoni tal-Futbol Eġizzjana ħabbret li l-attakkant mhux se jkun għad-dispożizzjoni għall-partita ta’ nhar it-Tlieta. L-istqarrija qalet li l-kowċ nazzjonali Javier Aguirre ddeċieda li jħalli lil Salah jirritorna Liverpool biex ikollu mistrieħ żejjed.

Il-gazzetta Eġiżzjana Yallakora qalet li l-plejer ta’ 26 sena se jagħmel xi testijiet meta jirritorna Merseyside biex jiġi ddeterminat in-natura tal-injury, minkejja li l-assistent kowċ tal-Eġittu Hany Ramzy qal li l-injury ma kinitx serja.

Wara l-logħba mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani, Aguirre kkritika l-kundizzjonijiet tal-Al-Salam stadium f’Kajr fejn qal li l-kundizzjoni tal-pitch kienet fqira ħafna. Liverpool huma skedati li jilqgħu f’Anfield lil Huddersfield fl-20 ta’ Ottubru.