Għawdex Lokali

F’Għawdex kulħadd jaf min jittraffika d-droga …minbarra l-Pulizija

L-Għassa tal-Pulizija fir-Rabat Għawdex
Rapport investigattiv fil-gazzetta il-mument

“F’Għawdex kulħadd jaf min jittraffika d-droga u jħaxxen butu minn fuq uliedna… minbarra l-Pulizija. Kulħadd jaf min joqgħod jitlajja f’ċerti pjazez u jdur bil-karozza ‘l hawn u ‘l hemm iqassam id-droga… minbarra l-Pulizija.”

Din kienet l-istqarrija diretta ta’ omm ta’ żagħżugħ li hu mċappas bid-droga li tkellimt magħha din il-ġimgħa. Qaltli li “hawn żgħar wisq u allura kulħadd jibża’ jitkellem għax hawn ipattuhielek bil-kbir. Anki jekk jarawk tħares lejhom… jikluk lura b’għajnejhom huma.”

Din il-mara kompliet li kien ftit taż-żmien ilu li ntebħet li binha jieħu d-droga, meta skopriet ċerti affarijiet. “Jien ma nafx minn fejn iġibha, iżda jgħid li faċli ħafna biex tiksibha hawn f’Għawdex. U mhux fil-festi u f’xi okkażjonijiet biss… imma s-sena kollha.”

Hi kompliet tinsisti miegħi li għandha suspett qawwi li l-Pulizija jafu tajjeb min huma dawk li jmexxu d-droga f’Għawdex għaliex l-istil tal-ħajja tagħhom jikxef id-dħul kbir ta’ flus li qiegħed ikollhom.
“Hawnhekk hawn min ma jaħdimx. Imma mbagħad jgħix ħajja ta’ sinjurun. U allura, b’dawn il-Pulizija ma jkunux jafu? Jew għandhom idhom marbuta għax hawn, huma u tal-familja tagħhom, iridu jgħixu ma’ min idaħħal il-flus mid-droga?”

It-telefonata ta’ din il-mara mmaturat wara li f’nofs din il-ġimgħa l-Qorti ta’ Għawdex tat żewġ sentenzi importanti fil-ġlieda kontra t-traffikanti tad-droga. Dan meta żewġ irġejjen tad-droga – Maria Concetta (Connie) Vella u Dorothy Refalo – weħlu erba’ snin priġunerija effettiva u multa ta’ €2,500 u 16-il xahar priġunerija u multa ta’ €1,000 rispettivament.

Din il-mara kompliet tgħid lil il-mument li l-Maġistrat Joseph Mifsud għandu kull raġun jenfasizza li t-traffikar tad-droga “hu reat serju ħafna u li qed jirrovina s-soċjetà Maltija u mhux l-anqas is-soċjetà f’Għawdex, fejn għad hawn min jibqa’ ma jitgħallimx mill-opportunitajiet li ngħata, fejn hemm min jibqa’ jinqered hu u jeqred lil persuni oħra bħal f’dan il-każ u hemm oħrajn li jikkordinaw il-qerda ta’ tant persuni fejn jibagħtu r-runners tagħhom fil-festi, f’okkażjonijiet speċjali bħal tiġijiet u riċevimenti oħra u fejn jinġemgħu nies biex jiddevertu.”

Iżda din il-mara kompliet li lil hinn minn dan, ċerti pjazez – anki kif żvelat din il-gazzetta stess ftit tal-ġimgħat ilu – huma mekka għat-traffikar tad-droga kokaina jew ħaxixa. Waħda minn dawn il-pjazez hi dik tax-Xagħra f’Għawdex fejn saħansitra din il-gazzetta żvelat kif min jittraffika d-droga jaħbi l-istess pakketti tad-droga.

Skont din il-mara l-Pulizija f’Għawdex ilhom ħafna jafu b’dak li qed jiġri iżda għal xi raġuni ma jiġri assolutament xejn.

L-istess persuna rriferiet ukoll għal dak li qal il-Maġistrat Mifsud fis-sentenzi tiegħu din il-ġimgħa fis-sens li “il-flaġell tad-droga qed ikompli jinxtered f’forom u f’dimensjonijiet li jimpressjonawk. Hu sostnut minn suq moqżież li ma jafx bi fruntieri u b’hekk qed ikompli jikber il-periklu għaż-żgħażagħ u għall-adolexxenti.”

Dwar dan staqsiet għaliex l-awtoritajiet meta jkunu jafu – għaliex taslilhom informazzjoni preċiża dwar traffikar u negozju tad-droga – jibqgħu gallarija? “Jew f’Għawdex hawn min qiegħed jieħu sehmu wkoll għaliex jagħlaq mhux għajn waħda, iżda żewġ għajnejn u jħalli d-droga tinħeba mhux biss f’ċerti ċimiterji… iżda fix-xquq tal-bankini, ħdejn id-dustbins u anki fil-persjani ta’ ċerti djar.”
Din il-mara enfasizzat li b’dan kollu jafu tajjeb il-Pulizija f’Għawdex u jekk mhumiex kapaċi jaslu huma, allura għandhom jitolbu l-għajnuna tal-Pulizija minn Malta, kif wara kollox qal l-istess Maġistrat Mifsud din il-ġimgħa li “l-istħarriġ kontra t-traffikanti tad-droga jeħtieġ speċjalizzazzjoni u għalhekk ikun għaqli li f’Għawdex il-ħidma tkun koordinata direttament minn min imexxi l-Iskwadra Kontra d-Droga f’Malta b’taħlita ta’ persuni stazzjonati f’Malta u Għawdex.”