Futbol Sport

Hemm bżonn li nibdlu l-filosofija ftit, se jkollna plejers ta’ esperjenza li jgħallmu liż-żgħażagħ – Ray Farrugia

Kliem pożittiv u ta’ tama mill-kowċ nazzjonali Malti Ray Farrugia wara d-draw ta’ 1-1 kontra l-Ażerbajġan. Hu qal li l-prestazzjoni kienet tajba ħafna kontra dak li rrefera għalihom diversi drabi bħala tim tajjeb ħafna. “Hemm bżonn li nibdlu l-filosofija ftit. Se jkollna plejers ta’ esperjenza li jgħallmu liż-żgħażagħ. Din hi t-triq ‘l quddiem. Kellna logħba tajba u f’xi ħinijiet ma konniex qed nibżgħu navvanzaw.”

Farrugia kien mistoqsi dwar il-kritika li kien hemm mill-pubbliku Malti wara t-telfa kontra Kosovo. Hu qal li l-kritika hi parti mill-ħajja u sostna li se jisma lil dawn in-nies għaliex jista’ biss jitgħallem. Ray Farrugia kompla li dawn in-nies għandhom id-dritt li jikkritikaw iżda saħaq li ftit jaffettwawh u jekk xejn isaħħuh.

“Ħaġa waħda hi ċerta li mhux se naqta’ qalbi. Trid turi lilek innifsek meta l-affarijiet mhux sejrin tajjeb. Li tkun kowċ ta’ Malta mhux xogħol faċli, emmnuni.”

Hu qal li t-tim Malti lagħab tajjeb iżda aċċena wkoll għall-prestazzjoni kontra l-Gżejjer Faroe fejn minkejja r-riżultat jemmen li kiene waħda mill-aqwa logħbiet. Farrugia rringrazzja wkoll lill-partitarji li minkejja d-distanza kienu preżenti għaż-żewġ logħbiet.