Il-Partit CSU, sieħeb tal-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, sofra telfiet kbar fl-elezzjonijiet għall-Istat tal-Bavarja, skont l-ewwel indikazzjonijiet wara għeluq il-votazzjoni. Fil-fatt, is-CSU mistenni jitlef il-maġġoranza assoluta tiegħu fil-Parlament tal-Istat, bir-riżultat ifisser anki daqqa ta’ ħarta għal Merkel.
Il-Partit tal-Ħodor spiċċa t-tieni l-akbar forza politika fil-Bavarja waqt li l-Alternattiva għall-Ġermanja (AfD) – il-partit estremista li jopponi l-immigrazzjoni – rebaħ is-siġġijiet fil-Parlament tal-Istat għall-ewwel darba fl-istorja.
Dan hu riżultat li mistenni jħalli riperkussjonijiet sinifikanti għas-CSU u l-Bavarja, li hi l-aktar Stat sinjur tal-Ġermanja.
Is-CSU ilu jamministra lill-Bavarja mill-1957 iżda dan il-partit konservattiv tilef l-appoġġ fi żmien meta l-opinjoni pubblika qed issir aktar polarizzata dwar issues bħall-immigrazzjoni.
Skont l-exit poll partikulari, is-CSU (Unjoni Kristjana Soċjali) rebaħ 35.5 fil-mija tal-vot fil-Bavarja, bil-Ħodor ( li huma favur l-immigrazzjoni) jiksbu 19 fil-mija tal-appoġġ.
L-AfD spiċċa r-raba’ bi ħdax fil-mija tal-vot, wara grupp ta’ kandidati indipendenti magħrufa bħala ‘il-Votanti Ħielsa’. Dan meta sal-bieraħ kien qed jidher li l-partit għal kontra l-immigrazzjoni rnexxielu jieħu wkoll kwantità sostanzjali ta’ voti lis-CSU.
Minn qabel l-elezzjoni, l-osservaturi kienu qed jaħsbu li r-riżultat ta’ din l-elezzjoni kellu jkun wieħed storiku li jiddefinixxi l-identità tal-Bavarja.
L-Istat tal-Bavarja –l-akbar fost is-sittax il-Stati Ġermaniżi – għandu kważi tlettax-il miljun abitant, bil-belt ta’ Munich ( it-tielet l-akbar belt fil-Ġermanja) bħala l-kapitali. Il-Bavarja għandha t-tieni l-ogħla Prodott Gross Domestiku (GDP) mis-sittax il-Stat tal-pajjiż waqt li għandha wkoll storja bħala reġjun konservattiv, fejn huma mħarsa t-tradizzjonijiet Kattoliċi u lokali.
//= $special ?>

