Lokali

Il-Pulizija għadha ma bagħtitx għall-Ministru Chris Cardona

Matul it-12-il xahar li għaddew kienu żvelati diversi fatti importanti dwar il-konnessjonijiet tal-Ministru Chris Cardona ma' terzi

Sena mill-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija, il-Pulizija Maltija li qed tinvestiga dan id-delitt, għadha fl-ebda stadju tal-istħarriġ ma bagħtet għall-Ministru Chris Cardona biex tara jekk b’xi mod jew ieħor jistax jgħinhom fl-indaġni li qed jagħmlu.

Dan tista’ tiżvelah b’mod esklussiv il-mument wara li NetNews il-ġimgħa li għaddiet ikkonferma li lanqas il-Ministru Konrad Mizzi ma ssejjaħ mill-Pulizija minkejja li t-tnejn li huma jissemmew fir-rapport tal-Maġistrat Aaron Buġeja minħabba l-involviment tagħhom fi stejjer li Caruana Galizia kitbet dwarhom f’ħajjitha.

Matul it-12-il xahar li għaddew kienu żvelati diversi fatti importanti dwar il-konnessjonijiet tal-Ministru Chris Cardona ma’ terzi, li huma involuti fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Fost l-oħrajn ingħadu b’mod persistenti verżjonijiet dwar laqgħat li l-istess Ministru Chris Cardona kellu mal-aħwa Degiorgio f’xi żmien qabel id-delitt tas-sena l-oħra. Fil-fatt xhieda stqarrew li ġieli raw lill-Ministru Chris Cardona jixrob f’bar partikulari fis-Siġġiewi flimkien mal-aħwa Degiorgio jew inkellha ma’ wieħed minnhom. Chris Cardona qed jiċħad dan kollu.

Barra minn hekk, kienu rappurtati wkoll fil-midja internazzjonali u anki fil-midja lokali telefonati li saru minn jew lill-Ministru Chris Cardona b’rabta mas-Sinjura Daphne Caruana Galizia.

Reċentement kien hemm l-aħbar li l-Ministru Chris Cardona saħansitra kien mistieden festin partikulari li għalih kien hemm wieħed mill-aħwa Degiorgio li jinsab taħt akkuża b’relazzjoni mal-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia.

Ma’ din l-informazzjoni hemm dettalji oħrajn li jitfgħu sħaba fuq l-għażla tal-Pulizija li ma jsejħux lill-Ministru Chris Cardona biex jgħin fl-istħarriġ dwar dan id-delitt.

Tul dawn l-aħħar 12-il xahar imexxi l-investigazzjonijiet wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien hemm l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta, li hu r-raġel tal-Ministru Justine Caruana, kollega ta’ Chris Cardona fil-Kabinet ta’ Joseph Muscat. Silvio Valletta issa ġie mġiegħel darbtejn mill-qrati biex jirtira minn din l-investigazzjoni wara li l-familja Caruana Galizia talbu biex jitneħħa mill-investigazzjoni fuq bażi ta’ kunflitt ta’ interess.

Mad-deċiżjoni tal-qorti, qabel il-Partit Nazzjonalista li fi stqarrija maħruġa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li hu wkoll il-kelliem għall-Ġustizzja u Governanza Tajba, fejn kien esprima s-sodisfazzjon li almenu fadal il-qrati biex tipproteġi l-ġustizzja u d-demokrazija f’pajjiżna.

Kif jista’ jkun li l-Pulizija qed tinvestiga l-iżjed qtil makabru ta’ ġuranlista fl-Ewropa meta għaddiet sena minn dan id-delitt u persuna b’potenzjal li jagħti għajnuna importanti jibqa’ ma jissejjaħx fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija?

Minbarra l-gravità tas-sitwazzjoni fejn tidħol l-investigazzjoni, politikament dan hu xhieda tal-arroganza u l-prepotenza tal-Gvern u ta’ Kastilja li tilgħab bil-Korp tal-Pulizija kif trid, xħin trid u meta trid b’detriment għall-ġustizzja f’pajjiżna li mhux biss għandha ssir, iżda għandha tidher li qed issir.