Lokali

Is-sbuħija timraħ fl-attività ta’ ‘Ġenna ta’ Ġonna’ fil-Furjana

Il-ġurnata xejn sabiħa tal-Ħadd kienet ta’ detriment għal diversi organizzaturi li bla waqfien għal dawn l-aħħar ġimgħat ħadmu biex tittella’ t-tmien edizzjoni tal-attività ‘Ġenna ta’ Ġonna’.

Minkejja li tħassru xi wħud mill-attivitajiet li kienu ppjanati, id-determinazzjoni tal-organizzaturi wasslet biex il-maġġoranza tal-attivitajiet saru.

NET News tkellem mal-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Furjana, James Aaron Ellul, li tul dawn l-aħħar ġimgħat ħadem bla waqfien biex jgħati l-aħjar lil-lokalità tiegħu, lir-residenti u dawk li ffrekwentawha f’dan il-jum.

Għal dan il-jum speċjali għall-Furjana, il-ġonna mill-isbaħ li jdawru din il-lokalità kienu kollha ħdura u mdawrin b’kuluri mill-isbaħ – u bla dubju dan jixhed għala l-attività tal-Ħadd issemmiet ‘Ġenna ta’ Ġonna’.

Attivita li kellha l-iskop li turi s-sbuħija tagħha lil diversi nies li ta’ kuljum jiffrekwentaw il-lokalità iżda ftit japprezzaw dak kollu li toffri l-Furjana – minn ġonna, siti storiċi, u saħansitra storja li tagħmel il-Furjana lokalità unika.

Fost l-attivitajiet, fil-ġnien tal-Argotti sar reenactment ta’ wara l-assedju li permezz t’hekk komplew jikkreaw mill-ġdid l-istorja tal-lokalità.

Ġenna ta’ Ġonna saret wara li ġimgħa ilu kienet saret inizjattiva minn diversi persuni biex ġiet imnaddfa l-lokalita’ tal-Furjana.

L-għan ta’ din l-attivita’ kienet biex jinżamm ambjent isbaħ għar-residenti Furjaniżi, impjegati fil-lokalita’ u t-turisti li jżuruha. Dan sar bħala parti mit-tħejjijiet għall-attività ta’ ‘Ġenna ta’ Ġonna’.

Ritratti: Joseph Galea