Lokali

Jiżdied l-għarfien dwar il-kanċer tas-sider

Il-Ħadd filgħodu diversi persuni ħadu sehem f’attività li ġiet organizzata minn Action for Breast Cancer for Pink October, sabiex joħolqu iktar għarfien dwar il-kanċer tas-sider u fuq kollox biex jitwassal messaġġ favur checkups regolari.

Messaġġ ta’ kuraġġ ukoll, biex dawk li għaddejjin minn din il-battalja kontra l-kanċer tas-sider ikunu jafu li ma jinsabux waħidhom.

Fost oħrajn, għall-attività attendew Claudette Buttigieg fir-irwol tagħha ta’ Deputat Speaker fejn qalet li tul il-karriera tagħha iltaqgħet ma’ diversi persuni li għelbu l-marda tal-kanċer u dejjem iħeġġu biex wieħed ma jinkwetax fuq l-iżgħar affarijiet iżda jgawdi l-ħajja bl-aħjar mod.

Fakkret dawk li ma setgħux ikunu hemm għax huwa żmien diffiċli għalihom u kontinwament qed jiġġieldu l-kanċer.

Preżenti kien hemm ukoll il-Membru Parlamentari tal-Unjoni Ewropeja Francis Zammit Dimech li saħaq li se jkompli l-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropej biex jassigura li jiżdiedu r-riċerka u l-fondi. Dan biex mhux biss tiġi salvata ħajja, iżda wkoll titjieb il-kwalità ta’ ħajja. Hu fl-aħħar faħħar il-kuraġġ ta’ dawk li għaddejjin jew irnexxilhom jgħelbu l-kanċer.

Attenda wkoll l-ambaxxatur tal-Irlanda li faħħar ix-xogħol siewi li qed isir f’pajjiżna biex jitqajjem iktar għarfien dwar il-kanċer tas-sider u l-kura u l-prevenzjoni tiegħu. Hu żied jgħid li l-pajjiżi kollha għandhom jimxu fuq il-passi ta’ Malta hekk kif hu importanti li tkompli r-riċerka.

Wara saru diversi sezzjonijiet ta’ żfin biex ikompli jitqajjem għarfien dwar l-importanza ta’ attivitajiet fiżiċi. Sfortunatament it-temp ħassar il-pjan li ssir mixja mill-Birgu sa Valletta Waterfront, iżda ma ħassarx id-determinazzjoni tal-organizzaturi, biex minflok saru diversi attivitajiet fil-gym ta’ Sliema Wanderers f’Tigne.