Il-plejer internazzjonali Malti Jordan Camilleri beda l-kampjonat Taljan tas-Serie A1 b’gowl hekk kif it-tim tiegħu Roma Nuoto tilef 15-5 kontra Sport Management, f’logħba milgħuba quddiem ftit aktar minn 400 persuna. Roma Nuoto kienu qed jagħmlu d-debutt fl-ogħla diviżjoni Taljana filwaqt li Sport Management ftit jiem ilu kkwalifikat għall-fażi tal-gruppi taċ-Champions League.
Nieqes għal Roma kien hemm l-internazzjonali Malti Stevie Camilleri li kien sospiż minħabba li tkeċċa fil-finali tal-play-offs tal-istaġun li għadda. Kawża ta’ dan in-nuqqas, Roma kellhom diffikultà għal soluzzjonijiet fl-attakk. Minħabba d-differenza bejn iż-żewġ timijiet, ir-riżultat finali ma kienx sorpriża, b’Roma qed jieħdu dawn il-logħbiet biex jidraw fil-kampjonat u jamalgamaw aktar bħala skwadra.
Jordan Camilleri skorja l-ewwel gowl tiegħu fl-aħħar sessjoni meta rċieva mingħand il-Montenegrin Paskovic u skorja gowl sabiħ minn okkażjoni ta’ man-up. Roma Nuoto jilagħbu t-tieni logħba fil-kampjonat is-Sibt li ġej kontra Nuoto Catania, biex ġimgħa wara jilagħbu kontra l-qawwa ta’ Pro Recco.
//= $special ?>