Lokali

Joseph Muscat jibqa’ sieket

Joseph Muscat jibqa’ sieket dwar l-aħbar li żvela l-programm ‘Sorsi Infurmati’ li l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla se jkun is-sitt kummissarju tal-Pulizija f’dawn l-aħħar ħames snin.

Waqt id-diskors tiegħu fil-Qala, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma semma xejn dwar it-tibdil li se jseħħ fil-Kummissarju tal-Pulizija, anzi lanqas qatt ma semma’ lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Dan minkejja li l-istorja ddominat din il-ġimgħa wara li ġie żvelat li ta’ Kastilja qed iħejju biex jappuntaw is-sitt Kummissarju tal-Pulizija u dan f’temp ta’ ħames snin biss kemm ilu Prim Ministru Joseph Muscat.

L-Assistent Kummissarju Ian Abdilla, imexxi s-Sezzjoni kontra l-Krimini Ekonomiċi u l-Frodi. Bħala parti minn xogħolu, hu kien qed jinvestiga lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Iżda minkejja li kien sar magħruf li Mizzi u Schembri kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama, is-Supretendent Abdilla ma ressaq lil ħadd il-Qorti u ma ħa l-ebda azzjoni fil-konfront tagħhom.

Fil-programm “Sorsi Infurmati” kien żvelat kif ladarba Lawrence Cutajar m’għadux kredibbli, Kastilja tefgħet ħarsitha fuq Ian Abdilla biex imexxi l-Korp tal-Pulizija.

U appena din l-informazzjoni kienet żvelata, f’Kastilja inħoloq kaos għax ħadd ma stenna li informazzjoni sensittiva bħal din tkun żvelata fuq NET Television.